Fl-1 ta’ Jannar 2021, il-Portugall assuma l-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, bit-tema, ‘Iż-Żmien għall-Azzjoni – irkupru ġust, ekoloġiku u diġitali’. Din hija r-raba’ darba li l-Portugall għandu t-tmexxija tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li kien issieħeb fl-Unjoni fl-1986 flimkien ma’ Spanja.
Kull pajjiż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill jagħżel prijoritajiet li jmexxi ’l quddiem fi qbil mal-Istati Membri l-oħra. Il-prijoritajiet tal-Portugall huma ffukati fuq l-irkupru mill-pandemija, fil-kuntest ta’ viżjoni fit-tul bl-azzjoni favur il-klima u d-diġitalizzazzjoni bħala prijoritajiet.
B’mod konkret, f’dawn is-sitt xhur, dawn il-prijoritajiet jistgħu jibdew jiġu implimentati għaliex kienu maħsuba fil-Baġit tal-Unjoni Ewropea ta’ €1.8 triljun għas-seba’ snin li ġejjin, li miegħu hemm ukoll il-pakkett finanzjarju għall-irkupru mill-pandemija – Next Generation EU. Biex dawn jidħlu fis-seħħ ikun hemm warajhom liġijiet li jkunu ġew approvati mill-Kunsill tal-UE u mill-Parlament Ewropew li jiddeterminaw kif ikunu allokati u kif jintefqu biex iġibu l-progress meħtieġ li għalih huma maħsuba.
Fi żmien meta l-pandemija tal-COVID-19 poġġiet lid-dinja u mhux inqas lill-Unjoni Ewropea għarkupptejhom, il-Portugall f’dawn is-sitt xhur se jkollu għadma iebsa biex dawn is-sitt xhur jimmarkaw il-bidu ta’ żmien aħjar għall-Ewropa. Din l-isfida ma jaffaċċjahiex il-Portugall waħdu. Anzi, bħal kull pajjiż li jkollu l-Presidenza, ir-rwol ewlieni tiegħu ikun li jippjana u jmexxi l-laqgħat ta’ ministri u esperti differenti f’oqsma differenti ta’ ħidma fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li fi ftit kliem hu magħmul minn ministri differenti tal-Istati Membri skont il-portafoll tagħhom. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet dwar liġijiet jittieħdu fi proċess ta’ skrutinju flimkien mal-Parlament Ewropew.
F’dinja globalizzata, l-Unjoni Ewropea ma tistax tingħalaq fiha nfisha u ma tħarisx ’il barra minnha, biex tkun fuq quddiem fix-xena internazzjonali u tixpruna azzjonijiet globali bħalma hi l-azzjoni dwar il-klima. Barra minn hekk, isiru laqgħat ma’ pajjiżi terzi għat-tisħiħ tal-koperazzjoni politika u ekonomika. Attenzjoni partikolari għandha tingħata lir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, mal-Afrika, mal-Amerka Latina u mal-Istati Uniti taħt amministrazzjoni ġdida.
Ċertament ta’ importanza se tkun l-attwazzjoni tal-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mis-Suq Intern u l-Unjoni Doganali tal-Unjoni Ewropea. Il-passi li jmiss huma li l-ftehim jiġi ratifikat minn kull naħa u jibda jiġi implimentat fil-prattika ħalli r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jsaħħu s-sħubija tagħhom f’relazzjoni ġdida għall-ġid taż-żewġ naħat.
Hekk naraw li l-pjanijiet fl-immedjat u fit-tul tal-Unjoni Ewropea mhumiex biss ekonomiċi. Infatti, ma nistgħux nersqu lejn Ewropa ekoloġika u diġitali, jekk f’dak kollu li tagħmel ma jkollhiex in-nies fiċ-ċentru ta’ kull pjan ta’ ħidma u deċiżjoni. Għaldaqstant hu importanti li l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ il-mudell soċjali tagħha u permezz ta’dak kollu li tagħmel, iċ-ċittadini kollha bla distinzjoni jħossu li l-Unjoni qiegħda taħdem għalihom u ġġib il-ħajja tagħhom u s-soċjetà li jgħixu fiha u lil pajjiżhom ’il quddiem.
Fil-qasam tas-saħħa, pereżempju, il-presidenza Portugiża trid tara li jkomplu jitwettqu l-azzjonijiet li l-Unjoni Ewropea bdiet fil-ġlieda kontra l-pandemija, mhux biss biex jingħata l-vaċċin lil kulħadd, imma wkoll biex tibda titwettaq l-hekk imsejħa ‘Unjoni tas-Saħħa Ewropea’, li tħares ’il quddiem biex l-Unjoni Ewropea tkun preparata li taġixxi f’każi ta’ kriżijiet għas-saħħa pubblika bħalma ħolqot il-pandemija.
It-triq lejn l-irkupru mill-pandemija u lil hinn, biex l-Unjoni Ewropea sas-sena 2050 tkun l-ewwel kontinent newtrali għall-klima, tinħtieġ il-koperazzjoni ta’ kulħadd, biex kull ċittadin Ewropew ikollu u jkun jista’ jħares lejn futur aħjar, fl-impjieg li jkollu, fis-saħħa tiegħu u ta’ familtu, fl-ambjent ta’ madwaru u fis-soċjetà li jgħix fiha.