Sunday, December 22, 2024

IŻ-ŻMIEN, IL-ĦIN

Aqra wkoll

Kemm hawn min jgħid li l-Malti bħala lingwa hu fqir minn vokabularju li jiddistingwi bejn id-differenzi li jitqajmu fl-istess kunċett. Nużaw l-istess kelma għad-diversi tifsiriet li joħorġu minnu. 

Imma kemm hi vera din? Xi kultant jiġri bil-maqlub.

Pereżempju: bil-Malti ngħidu żmien u ħin. Meta jkun għadda ħafna “żmien” irridu nfissru perijodu twil li jista’ jkun daqs ħajja ta’ bniedem jew ta’ ġenerazzjonijiet ta’ bnedmin. Meta  għadda ħafna ħin, dil-biċċa tkun referibbli l-aktar għal x’jiġri f’anqas minn ġurnata.

Bl-Ingliż, żmien u ħin jintqalu bl-istess kelma – “time”. F’dal-każ, il-lingwa Maltija hi aktar preċiża mill-Ingliża. Forsi r-raġuni hi li bħala lsien semitiku, l-Malti għandu firxa ta’ vokabularju fuq numru aktar limitat ta’ suġġetti minn ilsna li “ġrew” mad-dinja. Biss imbagħad, fil-qafas tal-limitazzjonijiet tiegħu, seta’ jiżviluppa dettall akbar fil-mod kif jindika dak li jitkellem dwaru.

TNEJN

Saru żewġ osservazzjonijiet dwar il-gwerer għaddejja li jixiriqilhom jiġu mixtarra sew.

Waħda għamilha l-Papa Franġisku fejn stqarr li waqt gwerra, sinjal ta’ kuraġġ ukoll jingħata meta jintwera li naħa tkun lesta li tinnegozja. Dan b’indirizz lejn l-Ukrajna waqt li ntqal ukoll li n-negozjar m’għandux jinftiehem bħala xi aċċettazzjoni ta’ disfatta.

L-oħra saret minn aġenzija tal-Ġnus Magħquda li stqarret li fil-gwerra tal-Gaza, ż-żewġ naħat tilfu kull sens tal-umanità li suppost tinsab f’kulħadd. Konklużjoni orribbli imma korretta f’sitwazzjoni fejn iż-żewġ naħat lesti jwettqu imwiet u ħruxijiet bla qies, qishom qed iwettquhom fuq in-nemel mhux fuq mijiet u eluf ta’ bnedmin. 

L-aqwa effettt ta’ gwerra hu li tiddeumanizza lil kull min ikun involut.

RESPONSABBILTÀ

Id-diskors dwar kif għandha tinżamm ir-responsabbiltà fis-settur publiku far fl-aħħar ġimgħat. Kif wieħed seta’ jistenna, intilef f’polemiki partiġġjani li aktar xerrdu sħana milli dawl. Għadu nieqes diskors serju dwar kif għandha tiġi definita r-responsabbiltà politika u amministrattiva. 

Sa fejn nista’ nara, anke fuq livell akkademiku dan id-diskors għadu ma avvanzax biżżejjed. Irid jinżamm lil hinn minn korsijiet dwar l-“etika” biex ikopri diskussjoni ta’ każi konkreti u ma jingħalaqx biss fuq is-settur publiku. Irid jinkludi s-settur privat fil-livell maniġerjali u tax-shareholders, kif ukoll il-qasam mifrux sew f’pajjiżna tal-professjonisti.

Il-problema endemika hi (u dejjem kienet) li bqajna niddefinixxu l-fażijiet ta’ analiżi, ta’ pariri, ta’ deċiżjoni u ta’ twettiq b’mod vag fejn ta’ spiss ikun hemm aktar minn persuna waħda responsabbli ta’ xi ħaġa mill-bidu sal-aħħar. Ir-responsabbiltajiet ma jintgħarfux biss mill-persuni li jkollhom xi poteri ta’ deċiżjoni imma wkoll mill-istrutturi organizzattivi li fihom jiġu eżerċitati dawn il-poteri.

Ekonomija

Sport