Tuesday, December 24, 2024

IŻ-ŻONA TAL-EWRO

Aqra wkoll

Għaddiet sena oħra ta’ taqlib: gwerra fl-Ewropa li qalgħet taħwid enormi dwar il-provista f’dak il-kontinent ta’ enerġija – u magħha ġabet inflazzjoni kif ilha ma tinħass fl-ekonomiji avvanzati. Safrattant, il-munita tal-ewro m’għaddiet minn l-ebda kriżi li kienet tagħha biss u mhux waħda li l-muniti kollha kienu qed jgħaddu minnha għall-istess raġunijiet ovvji.

Dan ġara minkejja li wieħed jista’ jargumenta li l-mexxejja tal-ewro fehmu ħażin kif kienet se tolqothom l-inflazzjoni u ħadu azzjoni mħarbta biex jilqgħu għaliha.
L-ewro li kien ikkritikat kemm hu fraġili fil-mod kif mibni qiegħed wara kollox, juri li hu resiljenti sew. Il-miżuri li ttieħdu matul u wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 – 2012 – anke jekk baqgħu nofs leħja – qed juru li jiswew. Imma jista’ jkun li l-aqwa ħarsien li għandha ż-żona tal-ewro hi r-rieda politika biex l-ewro jirnexxi u jaħdem tajjeb. Dan iġġenera dinamika li x’aktarx qed toħloq realtajiet ekonomiċi ġodda waqt li żgur tat nifs biex l-ewro jibqa’ magna monetarja qawwija. Qed issostni l-fehma li munita mhijiex biss fatt finanzjarju li jiddependi mis-suq. Hi wkoll fatt politiku.

IL-BNEDMIN JADDATTAW

It-tgergir ma jonqosx, ifur, meta l-affarijiet ikunu sejrin ħażin. Imma l-bnedmin jaddattaw. Jekk jonqsilhom id-dħul, jaraw kif se jillipazzaw. Iduru kontra l-gvern tal-ġurnata, jidħol gvern ieħor, u l-affarijiet jekk xorta jibqgħu ħażin, il-bnedmin jerġgħu jaddattaw għax ikollhom. Inaqqsu n-nefqa tagħhom, u aktar… sakemm forsi l-affarijiet jinbidlu għall-aħjar.

Meta dan jiġri, jerġgħu jaddattaw – proċess ħafna aktar faċli. Aktar maż-żminijiet tajba jippersistu, aktar l-addattament ikun faċli u naturali. Il-problema tqum meta il-biċċa mill-ġdid tinbidel. Aktar sabiħ li jkollok taddatta għal żminijiet tajba milli għall-piżijiet ta’ meta jinġema’ t-twegħir. Id-dwejjaq politiċi u ekonomiċi jingħaqdu f’karba waħda.

TURIŻMU TAX-XITWA

Ninsabu fin-nofs tat-turiżmu tax-xitwa u jidher li m’għandniex għax ingergru mir-riżultati. Ir-ritmu li bih viżitaturi baqgħu jaslu fostna żamm ir-rankatura u dan ma setax ġara biss għax kellna temperaturi kważi tas-sajf fl-aħħar ġimgħat. Min seta’ jbassar ħaġa hekk sa tliet ġimgħat ilu?

Biex kollox ikun ingħad, il-fawra turistika baqgħet għaddejja mhux f’pajjiżna biss, imma f’ħafna nħawi oħra, li mhux kollha gawdew jew qed igawdu minn temp sajfi. Xorta jibqa’ l-punt li bilfors għandna vantaġġi fil-kompetizzjoni għal turiżmu tax-xitwa. Irridu nkunu ċari fhiex jikkonsistu, mhux inqisuhom bħala naturali u m’hemmx għalfejn nitħassbu dwarhom. Bil-maqlub, jekk inkunu nafu sew x’inhuma, inkunu nistgħu nħarsuhom u ntejbuhom.

Sadattant, waqt li t-turiżmu xitwi jidher inkuraġġanti ħafna, nisimgħu anqas dwar Għawdex. Hemm ukoll tinħass għaddejja l-istess storja pożittiva?

Ekonomija

Sport