Friday, December 27, 2024

“Iż-żwiemel jiddependu minna u għalhekk aħna naraw li ma jkun jonqoshom xejn”

- Corinne Farrugia, rebbieħa għall-aqwa organizzazzjoni volontarja għal din is-sena

Aqra wkoll

RMJ Horse Rescue hi għaqda volontarja li ilha mwaqqfa għal xi snin u li l-għan primarju tagħha hu dak li bħalma jgħid isimha ssalva żwiemel abbandunati u tipprova tagħtihom dar oħra fejn jiġu kkurati, indukrati u miżmuma bl-aqwa mod possibbli. Huma jinsabu ħdejn il-kappella tal-Madonna tal-Providenza fis-Siġġiewi. Din l-għaqda volontarja ġiet mistiedna għan-National Volunteer Awards fejn rebħu unur għall-aqwa organizzazzjoni volontarja għal din is-sena.

Dan is-sit tkellem ma’ Corinne Farrugia nnifisha li għadha kemm rebħet dan l-unur flimkien mat-tim tagħha. Hi wieġbet għall-mistoqsijiet tagħna u tatna aktar informazzjoni dwar l-RMJ Horse Rescue u l-operat tagħha.

“Dan hu santwarju speċjali għaż-żwiemel l-istess bħalma jkun hemm santwarji tal-klieb u l-qtates. Ix-xogħol tagħna hu li nieħdu ħsiebhom, nikkurawhom meta jkun hemm bżonn, intuhom x’jieklu u x’jixorbu, innaddfulhom u ħafna affarijiet oħra li jinqalgħu.”

Farrugia tgħidilna li għandhom madwar 85 żiemel f’dan is-santwarju, ħafna minnhom li sar impossibbli li jiġu adottati filwaqt li oħrajn qabżu l-għoxrin u għandhom xi problemi ta’ saħħa. Dawn eventwalment isiru residenti permanenti ta’ dan is-santwarju sakemm imutu filwaqt li oħrajn jiġu rilokati mhux biss lejn xi post f’Malta iżda anke barra minn xtutna fosthom fl-Ingilterra.

Farrugia tgħidilna li hemm żwiemel li kienu jtellqu u li spiċċaw mill-karriera tagħhom fil-Marsa jew fil-polo. Hemm ukoll żwiemel tal-kavallerija li ma jibqgħux jagħtu s-servizz tagħhom minħabba l-eta’ filwaqt li hemm oħrajn li ġew ikkonfiskati mill-pulizija wara li sidhom kien jaħqarhom jew ma jkunx żammhom sew.

Farrugia qaltilna li f’Malta ma tantx hawn wisq għażla fejn dawn iż-żwiemel jiġu rilokati u għalhekk jispiċċaw f’dan is-santwarju u xogħolhom hu li jaraw li jkollhom kwalita’ ta’ ħajja mill-aqwa fiż-żmien kemm idumu għandhom.

Huma jorganizzaw ħafna attivitajiet għat-tfal li jsibu ż-żwiemel bħala terapija u jgħinu ħafna fejn huma jieħdu pjaċir ħafna.

Staqsejna lil Corinne Farrugia jekk kinitx qed tistenna li tirbaħ dan l-unur nazzjonali għall-volontarjat.22

“Biex inkun onesta miegħek ma kontx qed nistenniha. Hu veru li jien flimkien mat-tim tiegħi naħdmu qatigħ sabiex naraw li s-santwarju nżommuh fl-aqwa kundizzjoni possibbli. Hi ħaġa magħrufa minn dawk kollha li jiffrekwentaw dan il-post li għalija qisu tarbija għalija għax ħloqtu u dejjem qed narah jikber. Għalina hu ta’ sodisfazzjon li dan ix-xogħol qed jiġi rikonoxxut fi sfera nazzjonali.

Fir-ritratt: Corinne Farrugia, rebbieħa għall-aqwa organizzazzjoni volontarja għal din is-sena.

Iżda Corinne Farrugia taħseb li l-volontarjat naqas fis-soċjetà Maltija?

“Irridu nammettu li mhux faċli llum il-ġurnata li jkun hawn il-volontarjat bil-ħajja mgħaġġla kif inhi. Aħna bħala għaqda dejjem nbatu mill-volontarji għalkemm għandna madwar għoxrin minna li jattendu b’mod regolari min kuljum u min darba fil-ġimgħa.”

“Ix-xogħol tagħna mhux daqshekk faċli minħabba li biex nieħdu ħsieb iż-żwiemel fl-istaġuni kollha tas-sena, m’hemmx Ħdud jew festi, xitwa jew sajf, dawn iridu jiġu mitmugħa u ndukrati. Fis-sajf inbatu mis-sħana u d-dubbien, fix-xitwa jkollna x-xita u t-tajn bix-xogħol li dejjem jiżdied. Aħna kollha kemm aħna għandna x-xogħol full-time tagħna u naslu hemm bejn l-4.30 p.m. u l-5.00 p.m. iżda ninsabu kommessi li nagħtu dan ix-xogħol. Iż-żwiemel jiddependu minna u għalhekk aħna naraw li ma jkun jonqoshom xejn.”

Minkejja kollox, Corinne Farrugia tgħidilna li huma jaħdmu ħafna mat-tfal u ż-żgħażagħ sabiex iderruhom ir-responsabbiltà li hu valur ferm importanti. Hu sabiħ li nies ta’ età żgħira jgħinu f’dan il-volontarjat.

Farrugia qalet li huma jġibu l-fondi tagħhom primarjament mid-donazzjonijiet li jirċievu jew mill-attivitajiet li jorganizzaw minn żmien għal żmien. B’xorti tajba, in-nies dejjem jikkonkorru għax għandhom għal qalbhom iż-żwiemel u l-kwalità ta’ ħajja tagħhom sabiex tkun dejjem mill-aħjar.

Attività li se tiġi organizzata dalwaqt se tkun waħda relatata mal-Milied bl-isem ta’ Christmas at the Stables li se ssir fi tmiem il-ġimgħa li ġejja bejn is-17 u t-18 ta’ Diċembru. F’din l-attività se jkun hemm horse riding, tour, grooming, crafts u ikel. Għalhekk il-pubbliku hu mħeġġeġ biex jattendi għal din l-attività.

Wieħed jista’ jsir jaf aktar dwar din l-għaqda volontarja billi jmur fuq il-paġna ta’ Facebook https://www.facebook.com/RMJHorseRescue.

Fl-aħħar nett tlabna lil Corinne Farrugia, rebbieħa tan-National Volunteer Awards, sabiex tgħaddi l-appell tagħha lejn aktar volontarjat u fuq kollox il-kuntentizza li jsibu meta jagħmlu dan ix-xogħol nobbli.

“Jien nara li x-xogħol li nagħmlu jagħtina ħafna sodisfazzjon u li hu parti mill-ħajja tiegħi. Meta nara dan il-grupp ta’ żwiemel kif ġew għandna u kif jinsabu bħalissa jtina ħafna ferħ. Din għalija hi t-tieni familja tiegħi. Għalhekk nappella lin-nies sabiex ifittxu aktar il-volontarjat għax dan jagħtik identitá oħra filwaqt li jnissel fik valur verament imprezzabbli.”

Ekonomija

Sport