Saturday, May 18, 2024

Michele Marcolini maħtur coach nazzjonali

Aqra wkoll

Il-Malta FA ħabbret il-ħatra ta’ Michele Marcolini bħala Head Coach il-ġdid tat-Timijiet Nazzjonali tagħha. It-Taljan ta’ 47 sena se jkun ikkuntrattat sal-aħħar tal-2024 u se jieħu r-rwol il-ġdid mill-1 ta’ Jannar 2023.

Michele Marcolini huwa eks plejer li lagħab ma’ numru ta’ klabbs fl-Italja, fosthom Bari, Torino, Atalanta u Chievo Verona, u ma’ selezzjonijiet tat-Tim Nazzjonali Taljani ta’ juniors.

Marcolini ikkowċja diversi timijiet tas-Serie B u Ċ u rebaħ il-Coppa Italia Serie C mal-klabb Piemontese Alessandria fl-istaġun 2017-18.

F’kumment dwar il-ħatra ta’ Marcolini bħala kowċ nazzjonali, il-president tal-Malta FA, Bjorn Vassallo qal: ‘Ninsabu kuntenti ħafna li Michele Marcolini aċċetta l-offerta tagħna biex issir il-Kowċ il-ġdid tat-Timijiet Nazzjonali. Għaddejna minn proċess bir-reqqa biex naslu għal din id-deċiżjoni. Il-profil tiegħu jaqbel mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Assoċjazzjoni, iffukat fuq l-iżvilupp fit-tul tal-plejers tal-futbol elite tagħna. Il-prijorità tal-Malta FA hija li tiżgura li l-proġett tekniku tagħha jipproċedi kif ippjanat skont l-istrateġija tagħna biex niksbu filosofija ta’ logħba unifikata għat-timijiet Nazzjonali kollha.”

“Minbarra l-kwalifiki tiegħu ta’ kowċ, Marcolini jġib ħafna esperjenza fil-futbol wara li lagħab fl-ogħla livelli tal-futbol Taljan għal kważi għoxrin sena.”

Michele Marcolini se jingħaqad minn Davide Mandelli bħala Assistant Coach. Mandelli huwa wkoll eks plejer li beda l-karriera tal-futbol tiegħu ma’ Monza, u mbagħad kompla jilgħab mal-klabbs tas-Serie A u tas-Serie B Torino, Siena u Chievo Verona. Wara li rtira, huwa mexa fuq il-passi ta’ Marcolini u għenu f’numru ta’ klabbs fejn ħadem bħala manager tal-futbol. Mandelli se jingħaqad mal-istaff tekniku attwali mill-1 ta’ Jannar 2023.

Il-kowċis Marcolini u Mandelli se jiġu ppreżentati lill-media lokali fil-jiem li ġejjin.

Sport