Illum u għada jintlagħbu ż-żewġ semi-finali tal-Izibet FA Trophy fejn Valletta jibdew favoriti kontra Sta Lucia filwaqt li l-konfront bejn Hibernians u Floriana huwa wieħed bilanċjat fejn iċ-champions il-ġodda jimmiraw għad-double.
Valletta v Sta Lucia – Din hija partita li Valletta jridu jirbħu akkost ta’ kollox għal żewġ raġunijiet partikolari.
Filwaqt li huma jridu jsalvaw l-istaġun tagħhom meta spiċċaw jilagħbu fil-Play-Out Round, din il-kompetizzjoni hija opportunitá għalihom biex jilagħbu fil-UEFA Conference League.
Ftit tal-jiem ilu huma lagħbu kontra l- istess Sta Lucia, fl-aħħar impenn tagħhom tal-kampjonat, fejn ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 bil-konsegwenza li l-Luċjani sfaw relegati.
Valletta waslu mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni wara li għelbu lil Marsaskala (5-0), Tarxien Rainbows (5-1) u Marsaxlokk (3-0).
Min-naħa tagħhom, Santa Lucia eliminaw lil Sirens (4-1), St Andrew’s (2-1) u Gzira United (1-0).
Hibernians v Floriana – Iċ-champions il-ġodda, Hibernians, jaffrontaw lil Floriana f’dak li huwa meqjus bħala konfront klassiku.
Din se tkun ir-raba’ laqgħa bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn il-Greens għad iridu jegħlbu lill-Pawlisti wara żewġ draws u telfa.
Għaldaqstant l-għan ta’ Floriana huwa li jwettqu tpattija sportiva biex jikkwalifikaw għall-finali.
Sabiex waslu sa dan l-istadju, Floriana kkwalifiaw minn fuq Għajnsielem (1-0), St George’s (2-0) u Birkirkara (3-1).
Hibernians eliminaw lil Nadur Youngsters (2-0), Zejtun Corinthians (2-1) u Hamrun Spartans (2-1).
Programm kollu (Stadium Nazzjonali):
Illum: Valletta v Sta Lucia 7.30 pm
Għada: Hibernians v Floriana 7.30 pm