Saturday, May 4, 2024

“L-immigrazzjoni huwa fenomenu li se jibqa’ magħna”

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella qal li l-immigrazzjoni huwa fenomenu li se jibqa’ magħna u dan kemm minħabba konflitti u kemm minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet li jeżistu f’pajjiżi li minnhom jitilqu dawn il-migranti. 

Fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, il-President Vella qal li sa mill-bidu tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, Malta dejjem kienet membru attiv, u minkejja xi diffikultajiet marbuta maċ-ċokon tagħna, dejjem tajna sehemna daqs ħaddieħor u aktar. 

“Bdejna din is-sena b’mod speċjali hekk kif Dr Roberta Metsola ġiet eletta bħala President tal-Parlament Ewropew.  Huwa tassew ta’ unur għal pajjiżna li mara Maltija qed tokkupa kariga daqstant prestiġjuża.  Nemmen li pajjiżna għad għandu ħafna nies ta’ talent li kapaċi jirnexxu f’kull qasam li topera fih l-Unjoni Ewropea.”

Żied jgħid: “Aktar kmieni semmejt kif l-Unjoni Ewropa ingħaqdet b’solidarjetà mal-Poplu Ukren.  Kull pajjiż ta sehmu speċjalment fuq livell umanitarju.  Nixtieq li din it-tip ta’ solidarjetà tiġi estiża għal kull qasam, b’mod partikolari dak tal-migrazzjoni.  Bħala pajjiż fiċ-ċentru tal-Mediterran, aħna flimkien ma’ pajjiżi bħalna fl-Unjoni Ewropea għadna nirċievu numru kbir ta’ nies li jaslu lejn xtutna b’mod irregolari.”

Il-President Vella kompla jgħid: “L-immigrazzjoni huwa fenomenu li se jibqa’ magħna. Kemm minħabba konflitti u kemm minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet li jeżistu f’pajjiżi li minnhom jitilqu dawn il-migranti.  Ma jeżistux soluzzjonijiet faċli għal kwistjoni kumplessa bħal din, iżda nemmen li fl-għaqda hemm is-saħħa, u li bħala Unjoni Ewropea nistgħu naslu għal deċiżjonijiet li jtaffu l-piż għal pajjiżi bħalna, jevitaw it-telf ta’ ħajjiet, u jindirizzaw b’mod komprensiv il-kawżi li jimbuttaw lil eluf ta’ nies li jitilqu kollox warajhom biex isibu opportunitajiet ta’ ħajja aħjar x’imkien ieħor.”

Huwa temm jgħid: “Hekk kif għadha kif temmejna l-Konferenza Plenarja dwar il-Futur tal-Ewropa, ta’ min jixtarr id-dokument tal-proposti li fosthom jinkludi l-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-Unjoni Ewropea fid-Dinja, l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-ġustizzja soċjali.  Dan l-eżerċizzju dwar il-Futur tal-Ewropa ilu għaddej sena u kull ċittadin kellu l-fakultà li jipparteċipa u jesprimi l-ideat tiegħu ta’ fejn għandha tmur l-Unjoni.  In-nies tkellmu u ħarġet ċara ix-xewqa li jkollna Unjoni aktar viċin tagħhom, magħquda, li tkattar il-ġid b’rispett lejn il-valuri u d-drittijiet li ġiet imsejsa fuqhom, li tħares l-ambjent u li tiżviluppa pjattaformi diġitali li jwasslu għat-tisħiħ ta’ ekonomija aktar soċjali u sostenibbli.”

Sport