Sunday, April 28, 2024

Cisk 0.0 tingħata midalja tad-Deheb fl-‘Oscars’ tal-industrija tal-birra f’Londra

Aqra wkoll

Iċ-ċerimonja uffiċjali tal-premjijiet tal-industrija tal-birra u s-ciders, l-International Brewing and Cider Awards 2021, magħrufin ukoll bħala l-‘Oscars’ ta’ din l-industrija, ittellgħet dan l-aħħar f’Guildhall, Londra. 

F’Novembru li għadda, Cisk 0.0 kisbet midalja tad-Deheb fil-Kategorija Non & Low Alcohol Beer – Class 1, u trofew ġenerali mir-rebbieħa kollha tad-Deheb tat-tliet klassijiet tal-istess kategorija, li inkludiet il-birer bla alkoħol, b’livell baxx ta’ alkoħol u b’livell baxx ħafna ta’ alkoħol. 

L-aġġudikazzjoni saret bejn is-16 u t-18 ta’ Novembru fin-National Brewery Centre f’Burton-upon-Trent, l-Ingilterra, u kienet magħmula minn professjonisti mill-industriji tal-birra u tas-ciders minn madwar id-dinja. Il-ġurati tal-birra kienu mmexxija minn Rob McCaig u l-ġurati tas-ciders minn Gabe Cook. 

Il-produtturi tal-birra u s-ciders li rebħu l-unuri fl-edizzjoni tal-International Brewing & Cider Awards 2021 ġejjin minn 24 pajjiż. B’kollox ingħataw 126 midalja u 12-il trofew lil pajjiżi li fosthom hemm l-Awstralja, iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Lussemburgu, il-Korea t’Isfel, it-Tajwan, l-Istati Uniti u r-Renju Unit. Kien hemm ukoll disa’ produtturi tal-birra li kisbu trofew. Fost dawn kien hemm il-Ġappun u Malta. 

Il-midalja tad-deheb u t-trofew għall-birra Cisk 0.0 ġew ippreżentati lis-Sur Michael Farrugia, Direttur Eżekuttiv tat-Taqsima tal-Operat u l-Iżvilupp tan-Negozju u lis-Sur Eugenio Caruana, Uffiċjal Ewlieni tal-Operat. 

Skont is-Sur Caruana, din il-kompetizzjoni importanti u prestiġjuża hi teknikament unika għaliex il-birra tiġi aġġudikata minn professjonisti li jaħdmu fl-industrija tal-birra minn mad-dinja kollha. “Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, żdiedu l-kategoriji l-ġodda tal-birer bla alkoħol u kburin ħafna li Cisk 0.0, li għadha kemm ħarġet fis-suq is-sena li għaddiet,  mhux talli kisbet Midalja tad-Deheb fil-klassi tagħha imma wkoll trofew minn fost ir-rebbieħa kollha tal-Midalji tad-Deheb fi ħdan it-tliet klassijiet tal-kategorija tal-Birer Bla Alkoħol jew b’Livell Baxx ta’ Alkoħol.” Għal ħafna professjonisti, il-produzzjoni tal-birra bla alkoħol ta’ kwalità għolja li tirbaħ dawn l-unuri, hi ‘l-aħħar sfida’, u għalhekk tixhed il-ħila u l-esperjenza tat-tim tal-produzzjoni tal-birra ta’ Farsons.

Is-Sur Farrugia żied li: “Dan l-unur se jżid tabilħaqq l-isforzi tagħna biex nibqgħu nkabbru n-negozju internazzjonali tagħna f’reġjuni u swieq ġodda fil-Lvant Nofsani, fl-Asja u fl-Afrika, fejn hemm domanda b’saħħitha għall-birra bla alkoħol.”

l-International Brewing and Cider Awards imorru lura għall-1886 u għandhom storja twila li matulha onoraw l-aqwa produtturi tal-birra u tas-ciders fid-dinja. L-istil tal-aġġudikazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni hu differenti minn ta’ kompetizzjonijiet oħrajn, tant li huma magħrufin bħala l-‘Oscars tal-industrija tal-birra u s-cider’.

Sport