Wednesday, March 27, 2024

“Naħdmu mar-residenti biex ibiddlu l-mod kif iħarsu u jgħixu ħajjithom”

- Brian Camilleri miċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni fil-Komunità Santa Marija tal-Aġenzija Sedqa

Aqra wkoll

Minn Charlo Lautier – Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-FSWS

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) tagħmel parti mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, l-Familja, Drittijiet tat-Tfal (MFCS). Il-Fondazzjoni hija l-aġenzija nazzjonali ta’ ħarsien soċjali f’Malta u Għawdex u toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni timpjega ‘l fuq minn 900 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhom (73%) huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żagħżagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn. L-FSWS taħdem ukoll fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, tmexxi l-linji 179, 1772 u 1778 u tikkordina l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropeja għal internet aktar sikur permezz tal-programm Be Smart Online! u ċ-Child Web Alert.

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem fid-dettall mal-Maniġer Brian Camilleri mill-Aġenzija Sedqa dwar il-ħidma li titwettaq.

Tista’ tispjega x-xogħol li jsir fiċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni fil-Komunità Santa Marija li tagħmel parti mill-Aġenzija Sedqa? 

Komunità Santa Marija huwa programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni għall-problemi ta’ dipendenzi. Il-programm huwa twil madwar 14-il xahar u jilqa’ fih irġiel u nisa adulti li jkunu qegħdin jippruvaw jaħdmu fuq il-problema ta’ dipendenza tagħhom. Bħala programm huwa maqsum fi tliet fażijiet. L-ewwel fażi hija dik ta’ xahrejn fejn ir-resident huwa mistenni li bil-mod jibda jipprova jsib saqajh mingħajr sustanzi. Ir-resident jidħol fil-komunità ta’ nies li jkunu qed isegwu l-programm residenzjali u jibda jitgħallem jgħix magħhom. F’dawn ix-xahrejn huwa mistenni li jidra lir-residenti l-oħrajn u l-impjegati tal-post. Barra minn hekk, din l-ewwel fażi sservi biex il-persuna tibda tistabilizza lilha nfisha fuq livell fiżiku, mentali, emozzjonali u anke dak soċjali.

It-tieni fażi għandha l-għan prinċipali li tistabilizza l-progress li r-resident ikun għamel fl-ewwel xahrejn tal-programm. Din hija l-aktar fażi terapewtika u ddum sitt xhur. F’dawn is-sitt xhur ir-resident ikompli jibni fuq dak li jkun ħa fil-ġimgħat ta’ qabel u jibda jaħdem aktar fuqu nnifsu bil-għajnuna tat-terapija individwali u terapija tal-familja. Fl-istess ħin, ir-resident jibqa’ jgħix ħajja relattivament sempliċi u jibqa’ jiffoka fuq il-bżonn li jikber bħala persuna bir-responsabiltajiet varji li għandu. Wara xahrejn fit-tieni fażi, r-resident jibda joħroġ ftit sigħat fil-ġimgħa mill-programm u jibda b’mod konkret il-proċess ta’ ri-integrazzjoni fis-soċjetà. L-ewwel jibda jingħata erba’ sigħat barra u bilmod dawn jibdew jiżdiedu skont il-bżonn u ż-żmien fil-programm. Sal-aħħar tat-tieni fażi r-resident saħansitra jorqod lejl barra mill-programm terapewtiku. Fl-aħħar tat-tieni fażi, jiġifieri wara tmien xhur fil-programm, ir-resident jikteb il-mixja tiegħu f’forma ta’ portfolio bħalha parti miċ-ċelebrazzjoni tal-mixja tiegħu fil-programm. Il-mixja titratta għaxar temi differenti li jagħtu stampa dettaljata ta’ fejn kien ir-resident qabel il-programm u fejn wasal f’dak il-punt tal-ħajja tiegħu. Din iċ-ċelebrazzjoni sservi ta’ ntroduzzjoni tajba għat-tielet fażi li hija dik tal-integrazzjoni. 

It-tielet fażi, li hija ta’ sitt xhur, ir-resident jiġi appoġġjat mill-komunità biex ikun jista’ jsib xogħol u jibda jaħdem. Kull resident jingħata l-għajnuna dwar il-kitba ta’ CV u għajnuna biex japplika għal bosta xogħlijiet li jkunu adattati ghax-xewqat, bżonnijiet u ħiliet tal-persuna. It-tielet fażi hija mportanti ferm minħabba l-fatt li hawn il-persuna tibda tirritorna bil-mod lura fis-soċjeta’ b’mod aktar regolari. Iktar ma jgħaddi ż-żmien ir-resident jibda jżid il-ħin tiegħu barra mill-programm u mal-familja. Fil-fatt, sal-aħħar tas-sitt xhur tat-tielet fażi r-resident jibda jqatta’ sa’ massimu ta’ erba’ ljieli fil-ġimgħa d-dar u jibqa’ jorqod tlett iljieli fil-programm sal-aħħar tal-14-il xahar. Sal-aħħar tal-programm residenzjali, kull resident huwa nkoraġġut u mistenni li jibqa’ jagħmel parti mill-komunita’ ta’ residenti billi jibqa’ jaqdi xi dmirijiet li jkollu fil-programm. Kull resident huwa wkoll mistenni li jibqa’ jattendi għal mill-inqas żewġ gruppi fil-ġimgħa. Din l-għajnuna tibqa’ tingħata anke wara li r-resident jispiċċa l-programm residenzjali u jkun irritorna lura fis-soċjetà. 

X’inhuma l-pilastri li huma mħaddna fil-Komunità Santa Marija? 

Wieħed mill-pilastri huwa l-programm innifsu li hu mibni fuq komunità terapewtika. Komunità terapewtika tfisser li dak kollu li jsir fil-programm għandu skop terapewtiku. Dan ifisser mill-iktar affarijiet sempliċi, bħal mod kif ir-residenti jqattgħu il-ħin liberu tagħhom, għal affarijiet iktar kumplessi bħat-terapija li tingħata fi grupp. L-iskop huwa wieħed, dak li kull resident ibiddel l-istil tal-ħajja tiegħu b’mod drastiku. Il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti hija bbażata fuq diversi valuri li jitħaddnu mill-komunità. Dawn il-valuri huma dawk tax-xogħol, tal-lealtà, tar-responsabiltà, sagrifiċċju u onestà. Tingħata ħafna mportanza lir-relazzjonijiet. 

X’differenza sseħħ permezz tax-xogħol tagħkom firrijabilitazzjoni fil-ħajja tan-nies?

Meta naħseb fid-differenza li nara f’resident mill-bidu li jidħol għal kif isir ftit xhur wara jkun biżżejjed biex nifhem kemm ikun qed isir xogħol siewi. Normalment kull resident li jidħol Komunità Santa Marija jkollu ħafna problemi ta’ natura fiżika, mentali, finanzjarja, soċjali u anke ta’ relazzjonijiet. Id-dipendenza tiekol lil persuna u dak kollu u dawk kollha li jkunu viċin tagħha. Ġieli kellna residenti li meta daħlu għall-programm saħansitra jkunu xebgħu jgħixu u bil-mod jerġgħu jibdew jiskopru l-valur li jgħixu.  Is-sodisfazzjon tar-rijabilitazzjoni hija li tara persuna terġa’ tibda tgħix u tiskopri lura dak li kellha qabel ma tkun daħlet għall-programm. Ir-raġuni għala l-programm jieħu fit-tul hija li aħna ma naħdmux mar-residenti biex jieqfu jużaw is-sustanzi, iżda naħdmu magħhom biex ibiddlu l-mod kif iħarsu u jgħixu ħajjithom. 

Kif jiġu ndirizzati każijiet diffiċli?

Prattikament kull min jidħol biex jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni jiġi għax ikollu sitwazzjoni diffiċli ħafna. Il-każijiet li tista’ tgħid ikunu diffiċli ta’ veru huma dawk fejn ikollok resident li għalkemm ikun qed jattendi l-programm, jurik li ma jkun irid ibiddel xejn mill-mod kif iħares u jgħix ħajtu. Jekk issib resident li jibqa’ jirreżisti tinħoloq problema kbira u bil-mod il-mod trid tiġi ndirizzata din il-problema, kultant anke billi tkeċċi lil dak ir-resident mill-programm u tistiednu jevalwa r-raġuni li tkun wasslitu biex jidħol fil-programm.

Kif tgħinu biex in-nies jerġgħu lura fis-soċjetà wara l-programm?

Fit-tieni fażi tal-programm persuna diġà tkun qed tingħata l-għajnuna dwar kif terġa’ tintegra fis-soċjetà. Fil-fatt, fit-tieni fażi, resident joħroġ diversi drabi waħdu mill-programm u jkun qed isir ukoll ħafna xogħol mal-qraba tal-persuna. Fit-tielet fażi mbagħad, nibdew ngħinuhom isibu impjieg u post fejn jgħixu. Resident huwa dejjem mistieden jirritorna lura lejn il-programm meta jkollu bżonn l-għajnuna għax l-iskop aħħari huwa dak li r-resident jibda jgħix il-programm bħala post sigur li fih sab ċerta paċi. Hemm persuni li saħansitra anke jiġu biex jindirizzaw lir-residenti li jkunu għaddejjin bil-programm tagħhom u jaqsmu magħhom l-esperjenzi pożittivi tagħhom.

Hemm xi servizzi oħrajn li taħdmu magħhom id f’id biex il-klijent jinqeda aħjar?

L-iktar li naħdmu huwa mal-Community Teams fi ħdan l-Aġenzija Sedqa stess. Naħdmu wkoll mal-Family u Psychology Team li jissapportjaw lir-residenti tagħna, kif ukoll mas-servizz tal-vjolenza domestika fi ħdan l-aġenzija appoġġ u mas-servizz taċ-Child Protection f’każijiet fejn jidħlu t-tfal tar-residenti. Naħdmu mal-Jobsplus, mal-Pulizija u mas-servizzi tista’ tgħid kollha li toffri l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.

Tista’ taqsam magħna xi stejjer ta’ suċċess?

Nista’ nsemmi storja ta’ mara li daħlet tagħmel programm xi 12-il sena ilu. llum il-ġurnata għandha partner, omm ta’ żewġt itfal u taħdem bħala Care Worker mal-anzjani. Għalkemm illum hija ssetiljata f’ħajjitha, sal-lum il-ġurnata għadha tissaportja l-Komunità Santa Marija fejn tagħmel ukoll il-preżenza tagħha fil-programmi li jkunu għaddejjin minnhom ir-residenti stess.

Storja ta’ suċċess oħra hija ta’ raġel li kien resident snin ilu wkoll. Dan daħal jagħmel programm minħabba l-problema kbira tad-droga li kellu. Hu kien gie l-programm waqt li kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs. Illum il-ġurnata huwa miżżewweġ, għandu tarbija u jmexxi n-negozju tiegħu u saħansitra jagħti lura lis-soċjetà billi jipprova jgħin lil tfal u żagħżagħ biex ma jgħaddux minn dak li għadda minnu hu.   

Kemm tiltaqgħu ma’ klijenti f’sena? 

Fis-sena 2021 kellna 53 resident ġdid u jekk iżżidhom mar-residenti li kienu fil-programm mis-sena ta’ qabel, dawn jammontaw għal madwar 70 persuna differenti. Meta dawn tarahom f’kuntest ta’ familja, n-numru jikber ħafna aktar għax ix-xogħol li nagħmlu mar-residenti tagħna jimpatta lil familji tagħhom b’mod dirett u aħna nkunu qegħdin naħdmu wkoll mal-familji tar-residenti tagħna billi noffru sapport u terapija lilhom ukoll. 

Kif persuna tista’ tagħmel kuntatt magħkom?

Aħna niffurmaw parti minn katina ta’ servizzi. Persuna biex tidħol għar-rjabilitazzjoni l-ewwel trid tagħmel kuntatt mal-Aġenzija Sedqa f’Santa Venera u titkellem mal-key workers u mal-Addictions Community Team (ACT). Dawn il-professjonisti jagħmlu l-assessjar emmozjonali u fiżiku biex jaraw soċjalment fejn qiegħda l-persuna u jaraw x’tixtieq. Jekk il-persuna tkun tixtieq rijabilitazzjoni din tiġi riferuta għall-programm. Ir-riferta mbagħad tgħaddi minn taħt bord apposta fejn jiddeċiedi jekk il-persuna tkunx eliġibbli jew le biex tagħmel il-programm. Tista’ tagħmel kuntatt magħna jew billi ċċempel lill-Aġenzija Sedqa fuq 23885110 fil-ħinijiet tal-uffiċċju, jew fuq is-Supportline 179 ‘24 siegħa’ kuljum jew billi żżur is-sit www.fsws.gov.mt

Ekonomija

Sport