Saturday, December 21, 2024

Iżjed għajnuna finanzjarja għan-negozji u l-familji

Aqra wkoll

Wara li l-Gvern ħabbar l-iskema ta’ differiment għall-ħlas tat-taxxa, beda billi permezz ta’ avviż legali ħabbar li l-banek kummerċjali Maltin se jkunu qegħdin jagħtu l-faċilita’ li l-klijenti tagħhom ikunu jistgħu jipposponu l-ħlasijiet ta’ pagamenti ta’ self. Dan il-moratorju japplika kemm għal self lin-negozji kif ukoll għal self personali.

Il-Gvern ħabbar ukoll li se jkun qiegħed jagħti sussidju sa massimu ta’ 2.5% fuq l-interessi ta’ self li jista’ jgħin lin-negozji ikomplu bl-operat tagħhom. Dan is-self qiegħed jagħmilha possibbli għan-negozji li jħallsu l-pagi tal-ħaddiema, jħallsu l-kirjiet, jixtru materjal jew inkella li jonoraw obbligi finanzjarji li minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ma setgħux ileħħqu magħhom.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo spjega li din l-iskema kienet meħtieġa sabiex tgħin lin-negozji f’dan il-mument tant diffiċli għalihom. “Permezz tal-iskema li għadna kemm ħabbarna, in-negozji jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ 2.5% sussidju fuq l-interessi ta’ working capital loans għall-ewwel 48 xahar. Apparti minn dan, in-negozji jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ garanziji mħabbra mill-Bank Malti għall-Iżvilupp. B’dan il-mod qed inkomplu ngħinu lin-negozji f’dan iż-żmien diffiċli li qed jesperjenzaw nuqqas ta’ likwidita’ minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo.

Dawn il-miżuri japplikaw kemm għal negozji kbar kif ukoll għan-negozji żgħar u medji, li jinkludu persuni self-employed. Dan ikompli jikkumplimenta t-tfaħħir tal-Fond Monetarju Internazzjonali li qal li huwa mistenni li Malta tesperjenza wieħed mill-inqas impatt fuq il-Prodott Gross Domestiku meta kumparat ma’ stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport