Sptar ġewwa Iżrael amministra bi prova r-raba’ doża tat-tilqima kontra l-Covid-19 fuq grupp 150 persuna. Dan il-pajjiż qiegħed jikkunsidra li jipprovdi r-raba’ doża tal-vaċċin għal dawk vulnerabbli u dan bil-għan li tiġi miġġielda l-mewġa ta’ infezzjonijiet ikkawżata mill-varjant Omicron. Skont ir-riżultati li joħorġu minn dan it-test ikun determinat jekk ir-raba’ doża hix effettiva u sigura biżżejjed biex tingħata lill-popolazzjoni ġenerali.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru tas-Saħħa kien ta rakkomandazzjoni biex Iżrael isir l-ewwel pajjiż fid-dinja li jibda jamministra r-raba’ doża – magħrufa wkoll bħala t-tieni booster – lil dawk li għandhom iktar minn 60 sena, dawk li għandu sistema ta’ immunità dgħajfa u lill-ħaddiema mediċi.
L-uffiċjali tal-pajjiż qalu li fil-preżent ir-raba’ doża teħtieġ l-appovazzjoni tal-ispeċjalisti u l-gvern qal li dwar dan hu mhux se jkun qiegħed jindaħal.
Minħabba li b’150 test wisq probabbli mhux se jkun hemm dejta suffiċjenti dwar ir-raba’ doża, bosta qed jaħsbu li l-esperti se jkunu qed jirrakkomandaw li din tingħata biss lil persuni li għandhom iktar minn 70 sena.