Friday, May 3, 2024

Ninni la tibkix iżjed kantata minn tfal Musulmani… temozzjona u tispira lil Patri Dijonisju Mintoff

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kellha tkun okkażjoni bħal dawk ta’ snin oħra, fejn tfal tal-kindergarten iżuru l-Laboratorju tal-Paċi u ma jonqosx li jingħataw rigal ċkejken. Tfal Musulmani, li xi wħud minnhom lanqas għandhom ħames snin, daħlu fil-post u ma naqsux li waqt li kienu hemm min jeddhom bdew ikantaw “Ninni la tibkix iżjed”.

Kantawha mill-qalb. Kienet xena mill-isbaħ tara il-ferħ u t-tbissima waqt  li jkantaw din l-għanja Maltija.

Ma setax jonqos li Patri Dijonisju Mintoff, li f’April ta’ din is-sena għalaq 90 sena, jemozzjona ruħu 

għal din l-esperjenza ta’ tfal Musulmani jkantaw l-għanja ‘Ninni la tibkix iżjed”.

F’kumment li ta lil Talk.mt qalilna li “emozzjonajt ruħi smajthom ikantaw. Kollha tfal Musulmani. Tgħallmu ikantawha mingħand sħabhom it-tfal Maltin. Kemm indum ħaj din qatt mhu se ninsiha. Ħassejt ferħ kbir nara xi ħaġa bħal din”.

Din l-esperjenza wasslet biex Fr Dijonisju Mintoff jikteb għanja ġdida tal-Milied. Għanja li tirrifetti ir-realtà li qed jgħixu fiha llum tfal ta’ immigranti u refuġjati. L-għanja għandha l-isem ta’ “Ninni Ninni”, għanja tal-Milied ta’ Immigrant Afrikan f’Malta.

Realtà fejn qed naraw tfal minuri jivvjaġġaw waħidhom, anki fil-vjaġġ perikoluż bejn il-Libja u l-Ewropa. Rajna proprju fl-aħħar jiem, tarbija ta’ sena tkun waħidha bla ebda membri tal-famija fuq dgħajsa ma’ immigranti. Ix-xorti riedet li daħet f’Lampedusa.

Proprju fl-istess żmien, omm li kienet qed tivvjaġġa flimkien ma’ binha spiċċat fil-baħar waqt il-vjaġġ. It-tifel ġie salvat iżda hi laħqet għerqet tista’ tgħid quddiem għajnejn binha.

Propju ftit jiem wara ikunu salvati diversi immigranti. Dawn jispiċċaw jagħmlu jiem sħaħ jistennew port sigur. Fosthom tarbija ta’ 17-il jum. Tarbija li nofs ħajjitha qattgħetha bejn sema u ilma.

L-għanja ta’ Patri Dijonisju, hi l-għanja ta’ llum. L-għanja li għalkemm  l-isfont tagħha hi grazzja li seħħet elfejn sena ilu, magħha hemm magħġuna ukoll l-esperjenza ta’ dak it-tifel li flimkien ma’ ommu, jew ma’ missierru jew inkella waħdu, imbarka fuq il-vjaġġ ta’ tama ġdida. Vjaġġ li sar biex ħarab i-persekuzzojni, il-ġlied u l-gwerer.

L-għanja miktuba minn Patri Dijonisju Mintoff mhix l-għanja li toħloq briju bħal ‘Doqqu qniepen doqqu”. Hi għanja li fuqha rridu nirriflettu. Inħarsu madwarna u nagħtu kas dawn ir-realtajiet li ħafna qed idawwru wiċċhom naħa oħra għalihom. Fuq kollox din hi għanja, li trrid tibqa’ f’moħħna u ma ninsewhiex jew inwarrbuha wara li jgħaddi l-Milied. Din trid tibqa’ f’moħħna, għax din ir-realtà li titkellem dwarha l-għanja, hi realtà li nsibuha matul is-sena sħiħa.

Sport