Saturday, December 21, 2024

Iżreal iwettaq attakk fuq Moskea u skola f’Gaza… jinqatlu 26 persuna

Aqra wkoll

Il-Ministru tas-Saħħa tal-Gvern tal-Hamas qal li mill-inqas 26 persuna spiċċaw mejtin wara li Iżreal wettaq attakk mill-ajru fuq Moskea u skola fil-Medda ta’ Gaza. Fl-iskola kien hemm persuni li qegħdin jingħataw kenn fiha wara li kellhom jaħarbu minn djarhom.

Aktar minn hemm, għexieren ta’ persuni oħrajn spiċċaw midrubin u kellhom jiddaħlu fl-isptarijiet li baqa’ joperaw f’Gaza.

Min-naħa tiegħu l-militar Iżraelit qal li l-mira tal-attakk ma kinux persuni ċivili, iżda ċentru ta’ kontroll tal-militanti tal-Hamas. Filmati li qegħdin jintwerew fil-midja internazzjonali juru persuni mimlija demm fil-Moskea, filwaqt li filmati oħrajn juru persuni ċivili fosthom tfal jinħarġu mejtin mill-iskola.

Aktar kmieni matul il-ġurnata, il-grupp Hamas qal li dan hu attakk ieħor mill-ajru fuq persuni ċivili u fil-postijiet fejn seħħew dawn l-attakki ma kienx hemm ċentri ta’ kontroll tal-grupp. Huma qalu li f’dawn il-postijiet kienu qegħdin jingħataw kenn mijiet ta’ persuni li kellhom jitilqu minn djarhom minħabba l-attakki ta’ Iżreal.

Il-Gvern Iżrealit qal li qabel ma bdew l-attakki fuq l-iskola u l-Moskea nħarġu diversi twissijiet biex persuni ċivili jitilqu miż-żona biex b’hekk kemm jista’ jkun ma jinqatlux persuni nnoċenti. Iżda, skont Iżreal, il-grupp Hamas qiegħed juża persuni ċivili bħala tarka umana u mhux qiegħed iħallihom jitilqu minn żoni fejn ikunu se jsiru l-attakki.

Ekonomija

Sport