Sunday, October 27, 2024

Il-PM jħabbar miżura ġdida għat-tisħiħ fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema

Aqra wkoll

Il-Prim Minsitru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li fil-jiem li ġejjin se jidħol fis-seħħ Avviż Legali, biex il-ħaddiema jirċievu l-paga dirett fil-kont bankarju tagħhom, bil-għan li ma jsirx sfruttament tal-ħaddiema u jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema minn min jimpjegahom.

F’intervista minn tliet ġurnalisti indipendenti, il-Prim Ministru ħabbar li din id-deċiżjoni ttieħdet fil-Kabinett fl-aħħar jiem, u hija ntiża biex tipproteġi s-salarji li huma ntitolati għalih il-ħaddiema Maltin, Għawdxin u anke l-barranin.  Spjega li mhux se jkun iktar permessibbli li l-pagi jitħallsu fi flus kontanti, għajr b’ċekk jekk ma jkunx possibbli li l-flus jidħlu dirett fil-bank.  Qal li din il-miżura qed tidħol fis-seħħ frott it-taħditiet li qed isiru bħalissa bi tħejjija għall-Budget mal-unjins u min iħaddem.

Sostna li din ir-riforma se tkompli ssaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, hekk kif mill-1 ta’ Jannar se jidħol fis-seħħ ukoll il-kunċett ta’ equal pay for equal value, u bosta miżuri oħrajn introdotti fis-snin li għaddew bħaż-żieda fil-paga minima u l-patt soċjali li saru bi qbil bejn il-Gvern, il-unjins u min iħaddem.

Dwar il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin, il-Prim Ministru li din qed tiġi ndirizzata fost l-oħrajn billi l-aġenziji li jħaddmu ħaddiema barranin (temping agencies) jiġu regolati, fit-turiżmu daħlu skills cards għall-ħaddiema barranin, u fis-settur tal-kostruzzjoni daħlu l-liċenzji għall-bennejja u l-kuntratturi, biex ikun hawn iktar serjetà u dixxiplina f’dan ir-rigward.

Mistoqsi dwar l-ambjent, il-Prim Ministru ħabbar li għada se titnieda awtorità li se tkun responsabbli mill-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima.  Qal li din hija sfida globali u jeħtieġ tiġi ndirizzata b’għadd ta’ miżuri, inizjattivi u proġetti. 

Dwar l-iżvilupp, Dr Abela qal li l-Gvern għandu ħafna artijiet li jista’ jagħti għall-iżvilupp, iżda spjega kif inbidlet il-prassi u qed jadotta politika li dawn isiru spazji ħodor fil-komunità.

B’referenza għall-Budget, il-Prim Ministru indika li se jibqgħu jingħataw l-iskemi b’rabta mad-djar antiki fil-qalba tal-irħula, għax sostna li minnhom ibbenefikaw eluf ta’ nies li ffrankaw eluf ta’ ewro fix-xiri u r-restawr tal-propjetajiet tagħhom. 

Tkellem ukoll dwar id-diskussjonijiet li qed isiru biex jibqa’ jiġi nċentivat l-użu tat-trasport pubbliku u bil-baħar, kif ukoll iktar investiment fiċ-charging points għall-vetturi li jħadmu bl-elettriku.

Il-Prim Ministru saħaq li l-Budget se jerġa’ jkun mingħajr ebda taxxa ġdida, anzi se jnaqqas l-income tax tal-low income earners u tal-middle class, biex eluf ta’ ħaddiema jibqgħulhom iktar flus fi bwiethom. 

Qal li l-fatt li l-ekonomija qed tikber b’ritmu b’saħħtu turi li l-Gvern jista’ jagħmel dawn il-miżuri.  Dr Abela qal li l-Gvern se jibqa’ sal-aħħar tal-leġislatura jindirizza b’umiltà il-kwistjonijiet li qed jolqtu lill-pajjiż biex jilħaq l-aspettattivi tan-nies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport