“Jiddispjaċina għall-ħsara mhux intenzjonata li għamilna lil membri tal-WCK. Kien żball gravi”. Din kienet l-apoloġija li saret mill-Ġeneral Iżraelit Herzi Halevi wara li t-Tnejn li għadda, is-suldati tiegħu qatlu seba’ ħaddiema membri tal-organizzazzjoni umanitarja World Central Kitchen, li kellhom ċittadinanzi differenti, meta splodew il-karozzi li kienu fihom.
Din l-apoloġija saret hekk kif s-sentiment ta’ rabja u kundanni fuq livell internazzjonali għal dan il-qtil kienu ħorox tant li saret talba għal investigazzjoni fuq possibbiltà ta’ atti kriminali tal-gwerra minn Iżrael.
It-tim li traġikament għeb f’dan l-attakk kien għadu kemm telaq minn maħżen f’Gaza biex iqassam ikel tant bżonnjuż lill-popolazzjoni Palestinjana li tinsab f’riskju serju ta’ ġuħ. Il-vjaġġ kien ikkordinat u approvat mill-forzi Iżraeliti (IDF) u minkejja li mill-inqas karozza waħda kellha l-logo ċar fuq is-saqaf, id-drones xorta sparaw fuqhom.
Il-Prim Ministru Iżraelit, Benjamin Netanyahu, ammetta li t-tort huwa tal-forzi Iżraeliti. Huwa ġie mitlub mill-komunità internazzjonali biex jispjega eżattament x’ġara u biex jiggarantixxi li ma jsirux aktar attakki fuq ħaddiema ta’ organizzazzjonijiet umanitarji.