Thursday, December 19, 2024

Iżżewġitu għall-konvenjenza … ma’ l-ewwel opportunità li sabet sparixxiet lejn pajjiżha

Il-Qorti ddikjarat dan iż-żwieġ null wara li hija ilha iktar minn 10 snin li qatgħet kull kuntatt minn ma’ żewġha

Aqra wkoll

Il-Qorti Ċivili, Sezzjoni Familja, laqgħet it-talba li saret mir-raġel sabiex iż-żwieġ li kien sar bejnu u bejn martu fl-2009 jiġi dikjarat null. Dan fid-dawl li minn 11-il sena ‘żwieġ’ għexu biss sena flimkien bħala koppja u abbandunatu għal iktar minn 10 snin sħaħ mingħajr ebda tip ta’ notifika.

F’rikors datat it-2 ta’ Diċembru 2021, huwa fisser li hu u martu — Russa li hija 11-il sena iżgħar minnu — għamlu l-konoxxenza ta’ xulxin virtwalment u wara perjodu ta’ disa’ xhur jitkellmu online huwa kien ħallsilha biex tiġi għal btala f’pajjiżna fejn qattgħet tliet ġimgħat tgħix miegħu.

Qal ukoll li kienet talbitu biex jerġa’ jħallsilha btala oħra u li ftit wara li telqet lura f’pajjiżha waqt li bdew jikkomunikaw online talbitu biex jiżżewġu Malta biċ-Ċivil – kif fil-fatt ġara f’Novembru tal-2009 – u li sakemm kienet għadha f’pajjiżha kienet titolbu jgħaddilha xi flus li min-naħa tiegħu kien jibgħathomlha.

Żied jgħid ukoll li għaliha dan kien żwieġ ta’ konvenjenza biex tgħix ħajja komda u lussuża; ma kinitx taħdem, kien iħallas kollox hu u kienet anki titolbu joħorġu kuljum u biex jixtrilha l-ħwejjeġ ta’ spiss.

Waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti, ir-raġel spjega li mal-wasla tal-kunjata tiegħu f’Malta, martu kienet inbidlet fl-aġir tagħha. Spjega li meta telqet m’ommha lejn ir-Russja, għamlu madwar tliet xhur jikkomunikaw online u li għalkemm kienet wegħditu li kellha tirritorna Malta, qatgħet kull komunikazzjoni minn miegħu, bl-aħħar komunikazzjoni hija dik ta’ Frar tal-2011. Xi żmien wara, huwa kien sabha fuq l-istess sit li kien ikkomunika magħha l-ewwel darba u kellha mniżżel li hi ‘single’.

Oħtu kienet xehdet li ħuha dejjem għamel minn kollox biex iżomm lil martu fuq wiċċ l-idejn, tant li apparti illi ħallsilha biex tiġi Malta għal iktar minn darba, ħallas anki biex iġib lill-kunjata għal btala f’Malta. Hija spjegat li meta kien wasal iż-żmien li l-kunjata tirritorna f’pajjiżha kien qalilha li martu kienet se tmur m’ommha għal xi żmien u li diġà kien ibbukkjalha l-passaġġ tar-ritorn. Però, dik li kienet martu, qatt ma reġgħet lura Malta u qatt ma saru jafu x’sar minnha.

Sadanittant, il-Qorti rat ukoll li l-mara ma kienet ippreżentat l-ebda provi. Il-Qorti kkunsidrat li r-raġel kien qed jibbaża t-talba fuq l-Artikolu 19(1)(ċ) li jipprovdi illi: “Iż-żwieġ ikun null jekk il-kunsens ta’ xi waħda mill-partijiet ikun inkiseb b’qerq dwar xi kwalità tal-parti l-oħra li tista’ mix-xorta tagħha tfixkel serjament il-ħajja miżżewġa; bi kwalità tal-persuna, il-Qorti tifhem illi l-qerq ikun relatat mal-persuna nnifsiha bħalma hija persuna marida, infertili jew afflitta mill-ġenn, jew ivvizjata bid-droga, bl-alkoħol jew bil-logħob tal-azzard, li taħbi vizzju jew mard mill-konjugi l-ieħor qabel iż-żwieġ, jew persuna t’orjentazzjoni sesswali mhux kif mistenni fir-relazzjoni partikolari”.

Il-Qorti tal-Familja, ippreseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima, waslet għall-konklużjoni li l-ħeġġa għaż-żwieġ min-naħa tal-mara kienet għall-konvenjenza sabiex tkun tista’ tgħix Malta, tikseb karta tal-identità Maltija u li permezz tagħha tkun tista’ taċċedi għall-kumplament tal-Ewropa.

Għaldaqstant, hija laqgħet it-talba tar-raġel u ddikjarat dan iż-żewġ null.

Ekonomija

Sport