Sunday, November 24, 2024

Jack Mizzi champion nazzjonali taċ-Ċess 2024

Aqra wkoll

Fl-età ta’ 18-il sena, Jack Mizzi huwa r-rebbieħ il-ġdid tad-89 edizzjoni tal-Kampjonat Nazzjonali taċ-Ċess li sar f’Ottubru li għadda. Mizzi huwa wkoll il-Junior Champion renjanti – titlu li ilu f’idejh għal dawn l-aħħar tlett snin. Il-Finali saru bħas-soltu fuq double round robin format, fejn kull finalist lagħab kontra xulxin darbtejn – darba bl-abjad u darba bl-iswed. Mizzi kien l-unika plejer li ma sofra ebda telfa, u rnexxielu jikseb 8 punti minn massimu ta’ 10. Mizzi rebaħ lil Matthew Portelli, Jake Darmanin u David Cilia Vincenti darbtejn, u kiseb draw kontra Colin Pace li kien champion is-sena l-oħra, u ieħor kontra Robert Novak. Mizzi huwa l-25 plejer li rebaħ il-Malta Championship, u wieħed mill-iżgħar plejers li kiseb dan is-suċċess.

Robert Novak – plejer mat-tim nazzjonali u kowċ nazzjonali taċ-ċess (riċentement ipparteċipa fl-Olimpijadi taċ-Ċess), spiċċa fit-2 post u għaldaqstant se jkun qed jikkwalifika għal finali tal-Kampjonati tas-sena d-dieħla b’mod awtomatiku. Novak għeleb lil Darmanin u Cilia Vincenti darbtejn, u tilef u ġab draw kontra kemm Portelli u Pace.

Ir-rebbieħ nazzjonali tas-sena li għaddiet Colin Pace, issielet ferm biex jiddefendi t-titlu tiegħu għall-10 darba. Iż-żewġ telfiet kontra Portelli u l-oħra kontra Cilia Vincenti, għamlu din l-isfida impossibbli. Minkejja dan, huwa irnexxielu jikseb 4 rebħiet kontra Cilia Vincenti, Darmanin (darbtejn) u Novak.

Matthew Portelli, fl-età ta’ 12-il sena kien wieħed mill-iżgħar parteċipanti f’dan il-kampjonat. Portelli tfaċċa fix-xena taċ-ċess sentejn ilu, u fi żmien daqshekk qasir irnexxielu jirbaħ l-aħħar edizzjoni tal-Istudents Arena Grand Prix, kif ukoll spiċċa runner-up fil-Juniors Under 16 Championship. Portelli rebaħ 4 logħbiet kontra Darmanin, Pace (darbtejn) u Novak, u draw oħra kontra l-istess Novak. Portelli mistenni li javvanza għal 2000 rating; kisba bħal din f’età hekk tenera, tipprometti ferm għal karriera pożittiva fiċ-ċess.

Għal Jake Darmanin u David Cilia Vincenti, dan il-kampjonat kien wieħed diffiċli. Darmanin kiseb 3 rebħiet kontra Cilia Vincenti (darbtejn) u Portelli, iżda tilef il-bqija tal-logħob. Cilia Vincenti – issa famuż għal vjaġġ li jagħmel minn New Zealand sabiex jipparteċipa, rebaħ kontra Portelli (darbtejn) u Pace.

Bi prestazzjoni ta’ 2321, Jack Mizzi mistenni li jżid ir-rating b’iktar minn 100 punt, biex hekk isir wieħed mill-ftit Maltin li rnexxielhom jiksbu iktar minn rating ta’ 2200.  Mizzi jixtieq li jieħu sena sabbatika mill-istudji tiegħu sabiex ikompli jipparteċipa f’tournaments internazzjonali barra minn xtutna.  

Riżultati dettaljati jinsabu hawn: https://chess-results.com/tnr1032149.aspx

Thake u Psaila – Champions Nazzjonali taċ-Ċess 2024 (sezzjoni Veterani)

Fis-senior championships, Mario Psaila jżomm it-titlu tiegħu tal-over 65, u jaqsam it-titlu tal-over 50 ma’ Conrad Thake. Thake u Psaila t-tnejn ġabu draw fil-battalji missielta tagħhom kontra xulxin, u t-tnejn li huma ġabu draw kontra Ron Sammut. Stephen Busuttil Naudi ukoll kiseb draw kontra Sammut. B’hekk, Psaila u Thake spiċċaw it-tnejn fuq 4.5 punti, u permezz ta’ dan ir-riżultat identiku, se jkunu qed jaqsmu t-titlu għal din is-sena.

Riżultati dettaljati jinsabu hawn: https://chess-results.com/tnr1025850.aspx

Elena Ghitza tiddomina l-Parallel Tournament taċ-Ċess 2024

9 plejers ħadu sehem f’single round robin fit-tournament li sar waqt il-finali taċ-championships. Elena Ghitza, li riċentement fuq l-ewwel bord, kienet parti mit-tim nazzjonali tan-nisa fl-Olimpjadi, rebħet it-8 logħbiet tagħha fil-parallel tournament. Fit-tieni post, iż-żagħżugħ Isaac Grima Bongailas (U16 Champion) kiseb 6.5 billi rebaħ il-logħob kollu tiegħu ħlief draw kontra Refalo u telfa kontra Ghitza.

John Refalo (U12 Champion) kiseb it-tielet post permezz tal-kisba tiegħu ta’ 5 punti.

Riżultati dettaljati jinsabu hawn: https://chess-results.com/tnr1024277.aspx

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport