Monday, December 9, 2024

Jingħata bidu għall-kampjonat mondjali tal-Blackball

Aqra wkoll

Ilbieraħ ingħata bidu għall-kampjonat mondjali tal-blackball li qed isir f’pajjiżna fejn it-timijiet Maltin kienu fl-azzjoni fl-ewwel ġurnata ta’ logħob.

It-tim tal-irġiel beda bl-aqwa mod possibbli l-impenji tiegħu b’rebħa ta’ 14-11 kontra l-Irlanda ta’ Fuq.

Anke s-seniors kellhom riżultati pożittivi wara li għelbu lil Ġibilta’ 18-7 u lill-Irlanda ta’ Fuq 16-9.

Il-Masters kienu wkoll fi klassi għalihom hekk kif rebħu 14-11 lill-Irlanda u 18-7 lill-Irlanda ta’ Fuq. Mill-banda l-oħra, il-Grandmasters bdew b’telfa ta’ 14-11 kontra l-Irlanda għalkemm rebħu lill-Irlanda ta’ Fuq 14-11.

It-tim tan-nisa tilef l-ewwel żewġ logħbiet li lagħab meta safa’ megħlub mill-Irlanda 16-9 u mill-Afrika t’Isfel 15-10.

Kien hemm ukoll fl-azzjoni t-timijiet taż-żgħażagħ hekk kif fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena, Malta bdiet b’telfa ta’ 16-9 kontra Skozja għalkemm iddominaw il-konfront kontra l-Katalunja tant li rebħu 21-4.

Fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena, Malta kellhom żewġ rebħiet ta’ 15-10 kontra l-Awstralja u l-Irlanda għalkemm sabuha diffiċli kontra l-Ingilterra tant li tilfu 18-7.

Finalment fil-kategorija ta’ taħt il-15-il sena, Malta rebħu 9-6 kontra l-Irlanda u 10-5 kontra l-Awstralja għalkemm tilfu 8-7 kontra l-Irlanda ta’ Fuq.

Ekonomija

Sport