L-ex stilla ta’ Arsenal Jack Wilshere ħabbar li rtira mill-football fl-età ta’ 30 sena biss wara li ħalla lill-club Daniż, Aarhus.
Wilshere kien ikkunisdrat bħala l-captain futur tal-Ingilterra, iżda minkejja l-kwalità tiegħu bħala midfielder ċentrali, huwa tħabat biex jimpressjona ma’ Arsenal wara li ntlaqat minn numru ta’ problemi ta’ injury.
Huwa lagħab 197 darba mal-Gunners, iżda fil-verità kellu jidher ħafna aktar għal club li qatta’ 10 staġuni miegħu wara li ngħaqad mal-club mit-tramuntana ta’ Londra fl-età tenera ta’ disa’ snin.
Fil-bidu ta’ din is-sena Wilshere ingħaqad mat-team Daniż tas-Superliga Aarhaus, iżda ħabbar it-tluq tiegħu mill-club wara biss ħames xhur.
Fi stqarrija twila fuq il-media soċjali, Wilshere ammetta l-uġigħ tiegħu li jara l-karriera tiegħu ‘tintemm’ u esprima l-‘mumenti diffiċli’ li ffaċċja wara li ħalla lil Arsenal u stinka biex juri t-talent tiegħu kemm ma’ Bournmouth kif ukoll ma’ West Ham United.
Wilshere kiteb: ‘Illum qed inħabbar li rtirajt mill-football professjonali. Kien vjaġġ inkredibbli mimli b’tant mumenti isbieħ u nħossni privileġġat li esperjenzajt dak kollu li għamilt matul il-karriera tiegħi.’
“Minn meta kont tifel ċkejken nilgħab bil-ballun fil-ġnien sa meta kont captain ta’ Arsenal u nilgħab għal pajjiżi fit-Tazza tad-Dinja. Jien għext il-ħolma tiegħi.”
‘Fil-verità kien diffiċli naċċetta li l-karriera tiegħi kienet qed tiżloq fl-aħħar żminijiet minħabba raġunijiet barra mill-kontroll tiegħi filwaqt li nħoss li għad kelli ħafna x’nagħti.’
“Wara li lgħabt fl-ogħla livell, dejjem kelli ambizzjonijiet daqshekk kbar fil-logħba u biex inkun onest, ma kontx nipprevedi li xi drabi nkun f’din il-pożizzjoni.”
‘Madankollu, wara li kelli ħin nirrifletti u nitkellem ma’ dawk qrib tiegħi naf li issa huwa ż-żmien it-tajjeb li nirtira u minkejja l-mumenti diffiċli nħares lura lejn il-karriera tiegħi bi kburija għal dak li ksibt.’
“Li nilgħab fl-ogħla livell ma’ wħud mill-aqwa players fid-dinja, ir-rebħ tal-FA Cups, li nkun captain ta’ Arsenal u li nilgħab għal pajjiżi kienu lil hinn mill-akbar ħolm tiegħi meta kont tifel żgħir li trabba f’Hitchin. Inħossni fortunat ħafna li kelli l-karriera li kelli imma xejn minnha ma kien ikun possibbli li kieku ma kienx għall-imħabba u l-appoġġ ta’ tant nies.”
Intant, Arsenal, ħabbru li huwa se jkun il-coach tat-team tagħhom ta’ taħt it-18-il sena.