Saturday, May 3, 2025

Il-vittma sofra mill-inqas 7 daqqiet ta’ sikkina, waħda kbira fuq wara t’għonqu

Aqra wkoll

Il-vittma, raġel ta’ 43 sena residenti x-Xewkija, ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi filwaqt li l-allegat aggressur hu Ġermaniż ta’ 35 sena.

Sorsi qrib dan is-sit qalulna li l-vittma ħareġ ipejjep sigarett fit-taraġ meta allegatament għadda l-Ġermaniż u beda jagħtih bis-sikkina.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Simone Grech

L-Ispettur Keith Xerri qiegħed imexxi l-investigazzjonijiet.

Aktar kmieni: Jagħti daqqa ta’ sikkina lil raġel ieħor f’Għajnsielem Għawdex

Dalgħodu għall-ħabta tas-1.00am raġel sofra daqqiet ta’ sikkina waqt li kien qiegħed fid-drive in tad-dar tiegħu f’Għajnsielem Għawdex.

Sorsi qrib dan is-sit qalulna li raġel ta’ nazzjonalita barranija għall-ħabta tan-12.50 am intlemaħ idur fit-toroq ta’ Għajnsielem f’sikkina f’idu. Waqt li baqa’ jdur bl-istess sikkina, lemaħ raġel fid-drive in tad-dar tiegħu stess u allegatament daħal għalih fejn mill-inqas tah 7 daqqiet ta’ sikkina.

Il-vittma u l-allega aggressur ma kienux jafu lil xulxin u qatt ma kellhom problemi ma’ xulxin.

Il-vittma waqa’ mal-art mimli demm fejn qraba tal-istess raġel ċemplu għall-għajnuna fejn ittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Aktar tard hu ttieħed Mater Dei għall-aktar kura minħabba li kellu feriti f’għonqu u anke f’dahru.

Intant, il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn bdiet tfittxija għal aggressur fejn dan instab għadu miexi fit-toroq ta’ Għajnsielem bis-sikkina f’idu. Hu ġie arrestat u minħabba li kien hemm suspetti li għandu problemi ta’ saħħa mentali hu ttieħed ukoll l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn għadu miżmum hemm s’issa, bil-pulizija għassa miegħu.

Sorsi qrib sew l-investigaturi qalu lil dan is-sit li l-allegat aggressur madwar 15-il jum ilu kien diġa ġie miżmum wara li allegatament kien ħareġ jiġri fit-toroq ta’ Għajnsielem b’sikkina f’idu. L-istess sorsi qalulna li hekk kif kien ra lill-Pulizija u anke lit-tim mediku, hu beda jagħti bl-istess sikkina fuq sidru.

Kien jumejn ilu li hu ġie rilaxxat mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-pulizija qegħdin jinvestigaw dan il-każ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport