Il-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa dalgħodu sebħet ippakkjata b’folla ġmielha ta’ nies li għażlu li jattendu għall-aħħar tislima ta’ Jake Vella.

Kollox beda għall-ħabta tad-9:15 a.m meta diversi ċiklisti dehru jiffurmaw passaġġ ta’ roti li flimkien akkumpanjaw lil Jake f’dan l-aħħar vjaġġ tiegħu.

Spikka l-kliem “Thank you Ma, Thank you Dad” fuq it-tebut li kienu l-aħħar kelmiet ta’ Vella qabel miet. Dawn il-kelmiet kienu konferma oħra li sal-aħħar nifsijiet tiegħu Jake mhux biss kien jirrikonoxxi kull għajnuna u sapport, imma saħansitra kien iġib lil ħaddieħor u l-annimali qablu nnifsu.

Min-naħa tiegħu ċ-ċelebrant li mexxa l-quddiesa qal li jimpressјonah l-fatt li Јake kellu ħarstu fuq kulħadd. Huwa żied jgħid li l-imħabba li kellu leјn l-annimali li hu kien iseјħilhom bħala dawk li ma għandhomx leħen, tfakkarna kif għandha tkun l-imħabba tagħna ma’ xulxin. Dan hekk kif Jake kien saħansitra jagħżel li jkun il-vuċi ta’ dawn l-annimali f’mumenti fejn kellu jagħmel sagrifiċċji kbar minħabba sfidi li kienet tixħet fuqu l-marda terminali li kienet ħakmitu.
“Jake għażel li jkun il-vuċi ta’ dawk li ma kellhomx vuċi – sħabu l-annimali”
Ċelebrant
Iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena tilef ħajtu wara snin jiġġieled l-kundizzjoni rari li kellu magħrufa bħala ROHHAD fejn fl-aħħar sena u disa’ xhur kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei għal osservazzjoni kontinwa.

F’kummenti lill-midja l-ġenituri ta’ Jake spjegaw li t-tbissima tagħhom wara l-aħbar tal-mewt ta’ binhom ma kinitx waħda ta’ ferħ iżda ta’ emozzjoni li jafu li binhom ma kellux ibati iktar minħabba l-kundizzjoni li kienet tkiddu kuljum.

Huma svelaw li Jake mhu se jitlef qatt postu minn darhom u li għalhekk kienu ħadu d-deċiżjoni li binhom jiġi kremat biex jibqa’ magħhom għal dejjem.