Saturday, December 21, 2024

“Jake se jibqa’ dejjem f’qalbi … il-perseveranza u r-reżiljenza tiegħu nammirahom wisq” – Allison Zammit – eks LSE ta’ Jake Vella

Aqra wkoll

Ikomplu gejjin il-messaġġi bi tribut għall-mibki iżda qatt minsi Jake Vella. Din id-darba kien imiss lill-eks LSE tiegħu fl-Iskola St Michael Allison Zammit li tgħaddilna t-tifikiriet tagħha dwaru:

“Għal dawn l-aħħar erba’ snin kelli x-xorti li nkun l-LSE ta’ Jake Vella. Minkejja s-sitwazzjoni li kien għaddej minnha, Jake wera x-xewqa li jissokkta bl-edukazzjoni tiegħu. Xtaq li jibqa jlaħħaq ma dak li kienu jagħmlu sħabu fil-klassi permezz ta’ online lessons meta kienet tippermettilu saħħtu.” 

“Kien jieħu pjaċir jipparteċipa fil-lezzjonijiet, isaqsi u anke jaqsam l-esperjenzi tiegħu ma sħabu. Kien dħuli magħhom, avolja kien hemm xi wħud li qatt ma ltaqa’ magħhom. Huma minn naħa tagħhom kienu jħossu li xorta waħda kien parti mill-klassi tagħhom. Kienu jxejrulu mill-kamera u javżaw lill-għalliema meta jinqata’ l-kuntatt waqt il-lezzjoni.” 

“Sfortunatament kien hemm ħafna drabi fejn minkejja li kien ikun jixtieq jattendi l-lezzjonijiet online, dan ma kienx ikun possibbli għalih. Madankollu l-kilba li kellu għat-tagħlim kienet tant li kont nippreparalu noti u powerpoints ta’ dak kollu li jsir fil-klassi. Hu kien jippersevera u jkompli jsegwi permezz tagħhom, permezz ta’ noti mħejjija mill-għalliema u f’ċerti każijiet recorded lessons. Fejn ma kienx jifhem waħdu kien jitlob l-għajnuna tal-għalliema, li kienu jagħmlu li jistgħu biex jgħinuh.” 

“Il-perseveranza u r-reżiljenza tiegħu nammirahom wisq. Qatt ma qata’ qalbu jew gerger li t-tagħlim m’għandux x’jambih. Mhux talli hekk, talli meta jien u l-għalliema konna nsewdu xi ftit qalbna kien ikun hu stess li jagħmlilna kuraġġ bil-pożittivita’ tiegħu. Imma l-aktar ħaġa li kont nammira kienet li minkejja li hu kien għaddej minn sitwazzjoni diffiċli, xorta kien jaħseb f’ħaddieħor permezz t’inizjattivi favur għaqdiet u favur l-annimali.”

“Jake se jibqa’ dejjem f’qalbi. Kien student matur ħafna għall-eta’ tiegħu, determinat u jaf xi jrid. Nemmen li kellu ħafna x’jaqsam mal-oħrajn. Kien eżempju ta’ min isegwih u għaraf jaffronta l-ħajja bi tbissima fuq wiċċu.” 

Ekonomija

Sport