Wednesday, October 9, 2024

UNL: Il-Maltin jiddiżappuntaw fit-telfa kontra l-Moldova

Aqra wkoll

Moldova ……..2

Malta …………0

F’wirja diżappuntanti, Malta bdiet l-impenji tagħha fil-UEFA Nations League fuq nota negattiva meta minn Grupp D, sfat megħluba mill-Moldova bl-iskor ta’ 2-0.

Il-Maltin pattew qares għall-inċertezzi fid-difiża speċjalment fl-azzjoni li waslet għat-tieni goal minn penalty, waqt li setgħu sofrew aktar goals li kieku l-Moldova kienu iktar pre­ċiżi u attenti fl-attakk u kif ukoll li kieku daħkitilhom iktar il-fortuna.

Kienu l-Moldova li ħolqu l-ewwel periklu wara sitt minuti iżda l-konklużjoni ta’ Artur Ionita kienet wisq fraġli u ntemmet barra.

Fit-23 minuta reġa’ kien Ionita li resaq viċin meta venven xutt minn barra l-kaxxa li ħabat max-xibka minn barra, biex ta l-illużjoni tal-goal.

Madankollu, fit-32 minuta, l-Moldova fetħu l-iskor  permezz ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ MIHAI CAIMACOV li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Malti, Henry Bonello, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel jintemm ġewwa, b’dan ikun it-tieni goal tiegħu bil-flokk tal-Moldova.

Kien biss fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota mill-Maltin meta Steve Pisani  ttanta xortih mid-distanza iż­da falla l-mira.

Peró kien hemm aktar drama qabel ma ż-żewġ timi­jiet daħlu jistrieħu hekk kif fit-tielet minuta tal-ħin miżjud, il-Moldovani ngħataw penalty meta minn nuqqas ta’ ftehim fid-difiża Maltija u l-ballun deher mitluf, il-goalkeeper Maltin waqqa’ lil Caimarov fil-kaxxa u saħansitra ġie ammonit.

Mill-11-il metru, ION NICOLAESCU li tefa’ l-ballun naħa u lil Bonello n-naħa opposta, biex irdoppja għat-team tiegħu.

Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin heddew permezz ta’ Luke Montebello iżda x-xutt tiegħu ġie salvat mingħajr wisq tbatija mill-goalkeeper Dumitru Celeadni.

Fit-52 minuta, il-Moldova kienu għoddhom skorjaw it-tielet goal meta Nicolaescu approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża Maltija u t-tentattiv tiegħu ġie mċaħħad minn sieq il-wieqfa. Fis-66 minuta, freekick ċentrali ta’ Nicita Motpan għadda ftit għoli.

Il-Maltin wieġbu fl-84 minuta b’xutt fil-baxx mid- distanza ta’ Matthew Guillaumier li ġie salvat minn Celeadni.

Sa tmiem il-partita, il-Moldova  komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom biex huma favoriti li jiksbu l-promozzjoni.

MOLDOVA: 1-Dumitru Celeadnic, 20-Sergiu Platica, 14-Artur Craciun, 15-Victor Mudrac, 6-Denis Marandici, 2-Oleg Reabciuk, 11-Mihai Caimarov (13-Maxim Cojocaru 85), 8-Nicita Motpan (19-Victor Bogaciuc 70), 22-Vadim Rata, 7-Artur Ionita (16-Victor Stina 75), 9-Ion Nicolaescu (10-Vitalie Damascan 70) – Coach: Serghei Clescenco 

MALTA: 1-Henry Bonello, 22-Zach Muscat, 5-Kurt Shaw, 2-Jean Borg, 7-Joseph Essien Mbong, 20-Yannick Yankam (15-Carlo Zammit Lonardelli 46), 6-Matthew Guillaumier (17-Nikolai Muscat 76), 3-Ryan Camenzuli, 8-Steve Pisani (10-Teddy Teuma 71), 9-Kemar Reid (11-Luke Montebello 46), 21-Paul Mbong (14-Kyrian Nwoko 71) – Coach: Michele Marcolini

REFEREE: Mykola Balakin (Ukrajna)

ASS. REFEREES: Oleksandr Berkut, Dmytro Zaporozhenko (Ukrajna)

RABA’ UFF: Vitally Romanov (Ukrajna)

SKORERS: M. Caimacov 32, I. Nicolaescu 48 (Mdv)

AMMONITI: M. Guillaumier, Z. Muscat, H. Bonello (M), N. Motpan, V. Damascan (Mdv)

Sport