Jake Vella ħareġ fitt mill-Isptar Mater Dei, fejn bħalissa qed jingħata l-kura, biex jagħmel mixja madwar il-bini f’isem l-AAA, l-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati.
Jake xtaq li jiġbor fondi f’isem annimali abbandunati, u kienu bosta dawk li aċċettaw l-istedina tiegħu biex imorru l-mixja miegħu.
Fost dawk preżenti kien hemm il-kantant Ivan Grech, l-atleta Fabio Spiteri u il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Intant f’messaġġ fuq il-midja soċjali tiegħu, il-Ministru Bonnici qal li Jake huwa f’qalb il-poplu Malti u Għawdxi kollu u li bir-raġun għaliex l-eżempju tiegħu jkaxkar is-swar u l-muntanji.
Gillian Atard, l-għalliema tiegħu tal-kant li ukoll kienet preżenti għal din il-mixja, tat sorpriża lil Jake. Hija qalet li lill-Jake wettqulu ħolma oħra bħala rigal tal-Milied mingħandha, mingħand it-tfal tal-kor La Voix, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela u xi sponsors oħrajn u danbilli xtrawlu pjanu li xtaq.