Sunday, December 22, 2024

“Jalla l-elettorat jivvota 40% jew aktar nisa fil-Parlament”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Intervista ma’ Romilda Baldacchino Zarb, waħda min-nisa kandidati fl-elezzjoni ġenerali

Ir-rappreżentanza tas-sess femminili fil-Parlament ta’ Malta minn dejjem kienet baxxa wisq iżda din id-darba, grazzi għal mekkaniżmu ġdid introdott mill-Gvern, din ir-rappreżentanza se tkun minn tal-inqas 40%. Fost in-numru sabiħ ta’ kandidati miż-żewġ partit ewlenin li jridu jiddedikaw ruħhom b’parteċipazzjoni fit-tmexxija tal-pajjiż hemm Romilda Baldacchino Zarb, omm ta’ żewġt itfal, sindku u spiżjara li għall-ewwel darba se tikkontesta għall-elezzjonni ġenerali li jmiss. 

F’intervista ma’ Talk.mt Romilda tgħidilna kif minn ċkunita kellha interess fil-politika, is-sejħa tagħha biex tgħin lin-nies u tagħmel il-ġid, il-miri ġenerali tagħha inklużi dawk li jolqtu l-ugwaljanza u l-protezzjoni tan-nisa, kif ukoll qasmet magħna l-ħolma tagħha – dik proprju b’konnessjoni mal-kwota femminili fil-Parlament. 

Għal Romilda, l-akbar xewqa tagħha hija dik li fis-26 ta’ Marzu l-poplu Malti u Għawdxi juri biżżejjed fiduċja fil-kandidati nisa u jeleġġi 40% jew aktar kandidati nisa biex b’hekk ma jkunx hemm il-bżonn li jiskatta dan il-mekkaniżmu.

X’ħajrek toħroġ għall-politika? Din hija l-ewwel darba li se tikkontesta f’elezzjoni ġenerali?

Minn dejjem ħassejtha fija x-xewqa li ntejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Il-politika hija bħal vokazzjoni li trid tkun iddeterminata mill-altruwiżmu. Jiddispjaċni ħafna nara ċertu politiċi li wara li jieħdu dak li jridu min-nies – jiġifieri l-vot u l-poter – jinsewhom qishom qatt ma eżistew. Dan m’għandux ikun l-animu tal-politikant. Il-politiku għandu jkun dejjem lest biex jisma’, jifhem, kif ukoll jgħin lin-nies u mhux meta l-politiku jkollu bżonn biss. 

Il-fatt li diġà missejt mal-politika bħala Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, għalija dan kien tip ta’ prova biex nara jekk din il-vokazzjoni hiex minnha jew le. Min jaf kif ħdimt f’din il-missjoni li ġejt fdatha, jista’ jara li jien dejjem kont hemm għall-poplu. Kienu huma stess li inkoraġġewni biex nagħmel dan il-pass li noħroġ għall-elezzjoni ġenerali. 

Huwa ċertifikat sabiħ li n-nies iridu jafdawk aktar u bejn l-impenn tiegħi sa minn mindu kont żagħżugħa, s’issa fi ħdan l-istrutturi kollha tal-partit u l-imħabba lejn l-istess partit, imlewmi bil-kuraġġ biex anke jien inkun fuq il-lista tal-kandidati li qiegħed iressaq il-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

“Nemmnu fil-kapaċità tal-mara”Infurmati li għandek għal qalbek id-drittijiet tan-nisa. Tista’ tagħtina aktar detalji ta’ x’inhuma s-setturi li se tiffoka fuqhom?

Għal qalbi għandi lil kulħadd, speċjalment il-ġid li jista’ jsir permezz tal-ħidma politika. Bħala mara rrid inkun vuċi ta’ dawk in-nisa kollha li huma mwarrbin u opressati. Diġà sar ħafna xogħol minn Gvern Laburista għad-drittijiet tal-mara, biss, għad fadal xi jsir. 

Nibda billi nagħmel referenza għall-“Pink Tax”, fejn se naħdmu biex tiġi mnaqqsa r-rata tal-VAT għall-inqas rata possibbli skont il-liġijiet Ewropej fuq prodotti relatati mal-menstruazzjoni li, kif nafu, huma bżonn fil-ġeneru tagħna. Biex tibda titnaqqas l-istigma li sfortunatament għadha assoċjata ma’ dan il-proċess naturali jeħtieġ li ssir ħidma biex jibdew jitqassmu prodotti b’xejn li huma relatati.  

Settur li nixtieq li naħdem biex jiġu mbuttat ’il quddiem huwa l-ippjanar għall-ugwaljanza tal-ġeneru b’hekk naħdmu biex il-perspettiva tal-ġeneru tiġi nkluża f’kull stadju fejn jidħol teħid ta’ deċiżjonijiet. Fuq quddiem ukoll, jeħtieg li nkomplu naħdmu biex ikollna l-opportunità li naraw aktar nisa jokkupaw karigi għolja ta’ tmexxija u dan, għax nemmnu fil-kapacità tal-mara.

Xtaqna nistaqsuk dwar id-drittijiet u l-protezzjoni tan-nisa lokalment fejn jidħlu l-femicidju, il-vjolenza domestika u kwistjonijiet fil-qorti. Ħafna kummenti fuq il-midja soċjali jgħidu li s-sitwazzjoni hija tal-biki. Taqbel? X’beħsiebek tagħmel biex tgħin ħalli jkunu indirizzati dawn id-diffikultajiet?

Bla dubju ta’ xejn fl-aħħar snin sar ħafna biex in-nisa f’pajjiżna jimxu ‘l quddiem fosthom riformi kbar li twettqu fis-suq tax-xogħol biex iktar nisa jidħlu jaħdmu. Insemmu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, ir-riformi kbar li għenu biex il-mara tersaq ‘il quddiem fid-dinja tax-xogħol fosthom inċentivi bħal child care b’xejn; trasport għall-istudenti bla ħlas; Klabb 3-16 u l-In-Work Benefit.  Iżda, minkejja dawn l-avvanzi, fadal xi jsir biex fil-verità naslu li jkollna Malta ugwali.  

Il-vjolenza kontra n-nisa hija xi ħaġa li tixxokkja lin-nies u bla dubju ssewwed il-qlub u l-imħuħ tal-poplu. Din is-sena sfortunatament kellna żewġ realtajiet li ltqajna magħhom – il-każ taż-żagħżugħa Paulina Dembska u dak riċenti tal-omm u nanna, Rita Ellul.  Nemmen li jeħtieg li nkomplu nwasslu aktar għarfien waqt li nqajjmu aktar kuxjenxa dwar il-vjolenza fuq in-nisa.  

Ix-xahar l-ieħor ġew approvati l-emendi fil-Kodiċi Kriminali li għandhom l-għan li jintroduċu l-kunċett ta’ femiċidju, jiġifieri l-qtil ta’ mara jew tifla li jkun motivat mill-ġeneru tagħha. Dan huwa pass importanti. Pass ta’ impenn politiku li qiegħed jitressaq fuq quddiem fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż li l-femiċidju huwa r-realtà u li se jkun qiegħed iwassal messaġġ ferm b’saħħtu li l-vjolenza domestika mhiex aċċettata. 

Meta niddiskutu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru l-pajjiż kollu jeħtieg li jagħti s-sehem tiegħu biex inkomplu l-mixja ’l quddiem favur l-ugwaljanza fejn jidħol il-ġeneru. Minkejja l-passi ’l quddiem li saru, jonqos ħafna aktar xi jsir u aħna m’aħniex se nieqfu hawn. Nemmen li għandna nkomplu naħdmu fuq programmi edukattivi, kampanji li jqajjmu għarfien fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol. Irrid naħdem biex dik it-tifla hemm barra u aħna n-nisa ngħixu f’dan il-pajjiż bl-istess opportunitajiet bħall-irġiel.

Rigward in-nisa fil-politika, taħseb li omm tiffaċċja diffikultajiet biex tkun tista’ tidħol f’dan ir-rwol fil-Parlament. Dan fir-rigward li s-seduti jsiru filgħaxijiet u m’hemmx faċilitajiet bħal nursery fil-bini stess. Taqbel li hemm bżonn ta’ aktar arrangamenti favur il-familja u għala?

Ir-rwol tal-politiku mhuwiex faċli. Dan huwa rwol li jirrikjedi ħidma bla waqfien jekk tħaddan il-politika li tkun viċin in-nies. Ir-rwol tal-ġenituri fil-familja għandu jkun bilanċjat biex jinħoloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.  Għalhekk nemmen li miżuri favur il-familja għandhom jiġu mbuttati ’l quddiem u dan mhux biss fil-Parlament, imma f’kull post tax-xogħol. Trid tiġi promossa wkoll il-politika li t-tfal mhumiex tal-omm biss imma anke tal-missier. Is-soċjetà nbidlet u hekk ukoll irridu ninbidlu aħna u d-disponibilità tagħna lejn xulxin. 

Il-mara nbidlilha r-rwol ukoll. L-idea li  mara hija tajba biss biex issajjar, tnaddaf u tieħu ħsieb it-tfal mhiex ġusta. Nafu kemm hawn nisa ta’ suċċess f’kull qasam tal-ħajja. 

Fl-opinjoni tiegħek x’jista’ jsir biex aktar nisa jidħlu fil-politika?

Ir-rwol tal-politku jirrikjedi impenn iżda huwa rwol ta’ sodisfazzjoni li jippermetti lilna nvoluti fil-politika li nisimgħu, nifhmu u naħdmu biex nimplimentaw id-differenza li hemm bżonn. Għalhekk, jeħtieg li jkollna aktar programmi bħal dak imtella’ mill-Partit Laburista – “Lead” – inizjattiva tajba li tħeġġeġ lin-nisa jersqu lejn il-politika. Din l-inizjattiva twassal informazzjoni fuq l-ugwaljanza, id-drittijiet, l-ekonomija u suġġetti varji li bihom in-nisa jħossuhom aktar kunfidenti jersqu ’l quddiem, kif ukoll tgħin biex iżżid il-parteċipazzjoni femminili fl-isfera politika.  

Nixtieq nagħmel referenza għar-riforma li se tagħti ċ-ċans lis-sess sotto-rappreżentat jiġi mtella’ għal-persentaġġ ta’ 40% fil-Parlament Malti. Riforma li hemm bzonnha. Personalment, il-ħolma tiegħi hija li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss ma jkunx hemm bżonn li jiskatta dan il-mekkaniżmu għax l-elettorat ikun elega rappreżentanza femminili b’persentaġġ ta’ 40% jew aktar.

PROFIL:

Isem: Romilda Baldacchino Zarb

Data u Post tat-twelid: 24 ta’ Jannar, 1981, Tal-Pietà

Stat u Familja: F’relazzjoni ma’ Daryl Connor u omm ta’ żewġt itfal Faith u Kayden

Edukazzjoni: Terzjarja

Professjoni: Spiżjara u Sindku tal-Mosta

Lokalità fejn tgħix: Mosta

Miri għall-futur qarib: Bħalissa għaddejja bl-istudji Masters Governanza u Management; Inħares ’il quddiem biex inkun nista’ nassisti liċ-ċittadini aħjar

Ikel Favorit: Ħobż tal-Malti, patata l-forn u kull tip ta’ frott

Passatemp: Kull tip ta’ sport imma nippreferi l-isport li jqanqal l-adrenalina

Ktieb favorit: “Women & Politics Around the World” ta’ Joyce Gelb u Marianne Lief Palley. Dawn it-tip ta’ kotba jaffaxinawni għax jagħtuni lok li tesplora diskrepanzi fid-drittijiet tal-ġeneri bejn pajjiż u ieħor. Iġiegħluni napprezza kemm il-mara avvanzat ‘il quddiem f’dan il-pajjiż grazzi għall-Partit Laburista li lura fis-snin lilna n-nisa tagħna d-dritt tal-vot, dritt li aħna konna mċaħħda minnu purament għax aħna nisa. 

Messaġġ ta’ ispirazzjoni: “Fid-dinja taqta’ qalbek qatt, aħdem u stinka imma tinsa qatt minn fejn tlaqt. Tinsa qatt l-għeruq tiegħek għax huma dawk il-valuri li se jsawrwu l-ħidma tiegħek”.

Ekonomija

Sport