Monday, December 8, 2025

Jammetti li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija fl-ajruport biex ma jiġix deportat

Aqra wkoll

Nasar Atish Ali, Sirjan ta’ 29 sena tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li kien ħarab mill-kustodja tal-pulizija tal-immigrazzjoni waqt li kien fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, l-Ispettur Karl Roberts spjega li f’Awwissu li għadda kienet saret spezzjoni minn uffiċjali ta’ Transport Malta, fejn instab li l-imputat kien qed isuq vettura b’mod illegali.

Qal li l-imputat kien ingħata protezzjoni sussidjarja mill-istat tal-Bulgarija permezz ta’ avviż legali maħruġ fl-2020.

Wara li saru l-investigazzjonijiet kollha, l-uffiċjal tal-Immigrazzjoni f’Malta ordni ta’ ritorn fil-konfront tal-akkużat li ma kinitx kkontestata u, l-imputat, li ammetta l-akkużi fil-Qorti li kien qed jgħix f’pajjiżna b’mod illegali, xtara biljett tal-ajru għall-Bulgarija.

Fil-ġurnata tal-tluq tiegħu, hu kien eskortat mill-uffiċjali ta’ detenzjoni u ngħata f’idejn il-Pulizija tal-immigrazzjoni stazzjonati fl-ajruport.

Waqt li kien qiegħed fl-uffiċċju jistenna sakemm isir il-ħin biex jitella’ fuq l-ajruplan, is-Surġent kellu joħroħ minħabba xi ħaġa, u kien hawn li l-imputat ħarab.Minn filmati tas-CCTV deher ukoll fuq it-telefon jistaqsi għal direzzjonijiet minn fejn kellu jgħaddi mill-ajruport.

Minn dakinhar hu beda jiġi mfittex, u kien arrestat nhar is-Sibt li għadda. 

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u jekk se jkun qiegħed jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża hu se jkun qiegħed imur lejn il-Bulgarija b’mod immedjat.

Qal li skont it-trattat ta’ Schengen, ma jkunx jista’ jersaq lejn Malta għall-ħames snin li ġejjin.

Il-Qorti, wara li semgħat l-ammissjoni tal-akkużat u qieset il-każ, ikkundannat lill-akkużat għall-piena ta’ sitt xhur priġunerija sospiżi għal 18-il xahar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport