Thursday, April 25, 2024

Jammetti li hedded lill-eks sieħba b’sikkina wara li ġie mċaħħad minn aċċess għal uliedu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 28 sena mill-Belt Valletta tressaq il-Qorti mixli li ta fastidju u hedded lil omm ibnu b’sikkina nhar it-Tnejn li għadda. 

Fil-Qorti ħareġ li r-relazzjoni tal-koppja ntemmet ftit taż-żmien ilu iżda kien hemm problemi fir-rigward tal-manteniment u l-aċċess tal-missier għat-tfal. Intqal li kien hemm attentati biex din il-kwistjoni tiġi riżolta iżda dawn ma rnexxewx.

L-Ispettur Eman Hayman qal li fil-jum inkwistjoni, l-akkużat kien ċempel lil omm it-tfal u allegatament beda jheddida. Din tal-aħħar ċemplet il-Pulizija, u qaltilhom li kienet mas-sieħeb il-ġdid tagħha u li l-imputat kien qiegħed barra iċempel il-qanpiena tal-bieb b’sikkina f’idu. 

L-Ispettur Hayman qal li l-imputat kien se juża t-theddid biex jipprova jara t-tfal. Il-pulizija kienet irċeviet rapporti preċedenti, għalkemm ta’ inqas severità, dwar il-partijiet. 

L-imputat wieġeb li hu ħati tal-akkużi li nġiebu kontrieh, bl-Avukat tiegħu jispjega li din ma kinitx l-ewwel darba li l-klijent tiegħu mar iżur lil uliedu wara x-xogħol u ġie rrifjutat l-aċċess. Il-mara kienet talbet lill-akkużat jagħtiha €400 f’manteniment allegatament dovuti, qabel ma jitħalla jarahom, qal l-avukat.

Ir-raġel kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin u kien immultat €200. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin bil-Qorti tispjega li l-komunikazzjoni fir-rigward tat-tfal tista’ ssir permezz tal-avukati. 

L-Avukat Jean Carl Abela deher għar-raġel. 

Sport