Raġel ta’ 30 sena minn Ħal Qormi nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ammetta li kkaġuna ġrieħi gravi lil raġel ieħor waqt argument li kellhom bejniethom fiż-Żejtun.
Huwa wieġeb ħati wkoll li għamel ħsara li tammonta għal €2,500 fuq vettura u ħsara fuq affarijiet elettroniċi li jammontaw għal €5,000 u li sar riċediv.
Il-Prosekuzzjoni mmexxijja mill-Ispettur James Mallia qalet li l-Pulizija daħlilha rapport li fl-14 ta’ Marzu għall-ħabta tas-7.30 p.m. seħħ argument bejn żewġt irġiel f’Bulebel. Fuq il-post il-Pulizija tkellmet mal-imputat, fejn min-naħa tiegħu qalilhom li mar jiltaqa’ ma’ persuna sabiex jixtri vann, fejn hemmhekk inqala’ argument bejniethom minħabba li l-akkużat beda jakkużah li seraqlu l-flus li bihom kien se jixtri l-vann.
Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li l-vittma ttieħed l-Isptar b’ambulanza minħabba l-ġrieħi li sofra. Żied jingħad li l-akkużat sab il-flus fil-basket stess, u li xħin irrealizza li kien qiegħed f’żipp differenti, beda jistaqsi lilu nnifsu x’mar jagħmel b’idejh.
L-Avukat Difensur, Ismael Psaila, qal fil-Qorti li l-akkużat qed jobbliga ruħu li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ikkawżati lill-parti ċivile. Min-naħa tagħha d-Difiża għamlet talba sabiex jitħejja pre-sentencing report qabel tingħata s-sentenza. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża wara li semgħet kif ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni anke mill-Prosekuzzjoni.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat minħabba n-natura tar-reati u l-biża’ li l-akkużat jista’ jaħrab minn Malta.
Il-kawża ġiet differita għat-8 ta’ Mejju f’nofsinhar sakemm jitħejja l-pre-sentencing report fil-konfront tal-imputat.