Ingliż ta’ 55 sena residenti Għawdex ammetta quddiem il-Qorti ta’ Għawdex li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi f’wiċċ is-sieħba tiegħu wara li xeħtilha mobile.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, l-Ispettur Mario Xiberras spjega li l-każ seħħ fit-28 ta’ Mejju li għadda meta l-pulizija rċeviet informazzjoni li kien hemm mara kienet iddaħlet l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex issofri minn ġrieħi gravi f’wiċċha.
Minn investigazzjonijiet li saru, irriżulta li l-koppja kienu qegħdin f’lukanda ewlenija f’Għawdex meta nqala’ argument bejniethom meta kienu fil-kamra.
Kienet il-vittma stess li ċemplet għall-ambulanza fejn tim mediku mar fuq il-post biex jassisit. Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti li hekk kif tkellmu mal-vittma indikat dak li kien seħħ bejniethom. L-istess vittma tkellmet mal-ħaddiema soċjali fejn sar risk assessment.
Il-Prosekuzzjoni qalet li mill-ewwel talbet mandat ta’ arrest fil-konfront tal-imputat fejn ġiet arrestat wara li ngħata d-drittijiet kollha tiegħu.
Meta l-imputat ġie mistoqsi mill-Maġistrat xi jwieġeb għall-akkużi kontrih, hu mill-ewwel ammetta l-akkużi kollha.
Kien għalhekk li l-Qorti wara li sabithu ħati fuq ammissjoni tiegħu stess, ikkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet minn Dr Miguel Taliana f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Mario Xiberras filwaqt li Dr. Nadine Stivala mexxiet id-Difiża.


