Saturday, November 9, 2024

Jammetti li pprova jisraq minn ħanut f’Ħal Qormi 

Aqra wkoll

Libjan ta’ 35 sena kien ikkundannat tmien xhur ħabs sospiżi għal 15-il xahar, wara li wieġeb ħati għall-akkużi li pprova jisraq ħwejjeġ minn ħanut li jbigħ oġġetti sportivi f’Ħal Qormi.

Marzoq Abdelaiz tressaq quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli b’rabta ma’ dan il-każ li seħħ l-Erbgħa filgħodu. Huwa kien mixli b’attentat ta’ serq kif ukoll li insulta u ħebb għal uffiċjal tas-sigurtà.

Fil-Qorti ħareġ li l-imputat ipprova joħroġ mill-ħanut bi ħwejjeġ li ma kienx ħallas għalihom. Abdelaiz kien twaqqaf mill-uffiċjal tas-sigurtà u ftit tal-ħin wara ġew il-pulizija u kien arrestat. Fil-pussess tiegħu, instabu wkoll dokumenti li rriżultaw li kienu nsterqu minn vettura ftit jiem. Ir-raġel informa lill-Pulizija li m’għandux saqaf fuq rasu.

Abdelaiz qal fil-Qorti li kien iddispjaċieh ta’ dak li għamel u żied li “kulħadd jiżbalja f’ħajtu” filwaqt li spjega li għandu problema tad-droga. Qal li għamel żmien jaħdem għal rasu iżda waqa’ fil-vizzju tad-droga. “Irrid ngħix ħajja aħjar,” saħaq Abdelaiz.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Demicoli kkunsidrat l-ammissjoni bikrija tiegħu u s-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u d-Difiża li qablu li ma kellhiex tingħata piena ta’ ħabs. Il-Maġistrat wissietu li kellu joqgħod attent ħafna biex ma jerġax jikser il-liġi. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius filwaqt li l-Avukat David Bonello deher għal-Libjan. 

Sport