Friday, December 20, 2024

Jammetti li qatel u kiel partijiet mill-ġisem ta’ ġuvni li ltaqa’ miegħu fuq dating app

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Raġel ta’ 53 sena ammetta fil-qorti li mhux biss qatel, iżda qatta’ u kiel partijiet mill-ġisem ta’ ġuvni ta’ 25 sena li spiċċa mira tiegħu fuq app  “Grindr” magħrufa fost persuni gay, bi sesswali u trans gender. Missier il-vittma b’qalb maqsuma sostna li ibnu Kevin kien ġuvni twajjeb li “ma kienx ħaqqu hekk” u bl-aħbar li l-qattiel tiegħu ammetta l-akkużi kontrih, issa l-familja almenu mhux se jkollha tgħaddi mit-trawma tal-proċeduri ddettaljati fil-qorti.

Każ verament xokkanti li seħħ f’Diċembru tal-2019 huwa dak ta’ qtil u kannibaliżmu minn Mark David Latunski minn Michigan. Dan tal-aħħar qatel lill-hairdresser żgħażugħ Kevin Bacon li tkellmu online u wara stiednu fir-residenza tiegħu. Latunski l-ġimgħa l-oħra ammeta fil-qorti li huwa ħati għall-akkużi miġjuba kontrih li jinkludu mutilazzjoni ta’ ġisem u qtil tal-ewwel u t-tieni grad.

Fl-ammissjoni tiegħu Latunski qal li ta daqqiet ta’ sikkina lil Bacon meta kien dahru lejh u wara ħa partijiet minn ġismu fil-kċina biex jiekolhom. Huwa rrapportat ukoll li ammetta mal-pulizija li qata’ t-testikoli ta’ Bacon u kielhom ukoll.

F’dettalji li ħarġu, “Fox News” irrapporta li l-ġisem bla ħajja ta’ Bacon instab imdendel mas-saqaf fil-kantina ta’ Latunski fl-2019 fejn ġie nnotat li l-kadavru kellu partijiet minnu neqsin. Jingħad ukoll li l-ġerżuma tal-vittma kien imħanxra u saqajh kienu marbuta b’ħabel.

“M’hemmx piena ħarxa biżżejjed”

F’reazzjoni għall-aħbar li l-qattiel ta’ ibnu ammetta għall-akkużi fil-qorti, Karl – huwa missier il-vittma – qal li “Kevin kien ġuvni twajjeb u ma kienx ħaqqu hekk. Issa almenu mhux se jkollna niffaċċjaw ġuri twil. Mhux se jkollna nerġgħu naraw ir-ritratti ta’ Kevin fil-Qorti. Forsi issa se nevitaw dak kollu”. Min-naħa tiegħu huwa sostna li m’hemmx piena ħarxa biżżejjed għall-atti kriminali kommessi minn Latunski u jittama li dan il-qattiel kannibalu jingħata għomru l-ħabs mingħajr il-possibbiltà ta’ parole.

L-avukata ta’ Latunski, Mary Chartier, hija rrapportata li ma qabiltx mad-deċiżjoni tal-klijent tagħha li jammetti l-ħtija tiegħu għax hija kienet qiegħda tittama li ġġibha żewġ b’difiża ta’ stat ta’ ġenn.

Fi stqarrija li għamlet Chartier qalet li l-liġi titlob li l-avukati jimxu skont it-talbiet tal-klijenti tagħhom sakemm dan huwa legalment kapaċi jasal għal deċiżjonijiet tajba. Dan anke meta l-avukati jemmnu li ammissjoni ma tkunx fl-aħjar interess tal-klijent tagħhom. 

Fit-18 ta’ Ottubru li ġej Latunski mistenni jidher darb’oħra quddiem qorti ħalli jingħata s-sentenza fejn se jkun deċiż jekk huwiex ħati ta’ qtil fl-ewwel u t-tieni grad jew inkella ta’ qtil involontarju. Huwaa jista’ jeħel sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Ekonomija

Sport