Raġel ta’ 58 sena mill-Belt Valletta tressaq il-Qorti fejn ammetta li seraq €300 mill-Convenience Shop fil-Furjana.
Il-każ seħħ l-Erbgħa, għall-ħabta tas-1.30 p.m. fi Triq San Tumas, xħin ir-raġel daħal fil-ħanut, ħataf xi flus li kien hemm fuq il-bank tal-ħanut u ħarab minn fuq il-post b’karozza.
Huwa kien arrestat ftit tal-ħin wara fi Triq San Ġużepp, il-Belt Valletta. Ir-raġel kien libes l-istess ħwejjeġ għal dawk li deher liebes is-suspettat fil-filmati tas-sigurtà waqt is-serqa.
Huwa tressaq ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace mixli b’serq, li ħebb u rreżista żewġ uffiċjali tal-pulizija, li heddidhom waqt li kienu qed jarrestawh, irrifjuta milli jobda l-ordnijiet tagħhom, kiser il-paċi pubblika u sar reċediv.
Il-Maġistrat Micallef Stafrace laqgħet it-talba tad-Difiża biex isir pre-sentencing report fil-konfront tal-imputat u tagħtu l-libertà proviżorja taħt garanzija personali ta’ €5,000 u jrid jiffirma l-għassa darba fil-ġimgħa.
Il-Maġistrat ordnatlu wkoll biex iħallas lura s-somma ta’ €300 lil sid il-ħanut.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kevin Pulis u Daryl Borg.