Libjan ta’ 19-il sena residenti San Ġiljan kien ikkundannat sentenza sospiża u ordnat jagħmel 100 siegħa xogħol fil-komunità wara li ammetta li f’Novembru 2023 seraq eluf ta’ ewro fi flus kontanti minn appartament f’San Ġiljan.
Rida Faraj Salim Alshoshi ammetta li seraq aktar minn €5,000 fi flus kontanti, kif ukoll għamel ħsara f’pompa tal-petrol fl-Imsida. Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-imputat għandu problema kbira ta’ droga u alkoħol.
Meta ġiet għall-piena, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia qieset li l-imputat ikkopera mal-pulizija u li ammetta fi stadju kmieni. Qieset ukoll li meta wettaq ir-reat, l-imputat kellu 18-il sena u għandu fedina penali netta. Madankollu, ħareġ li hu ma tax lura l-flus misruqa u lanqas għamel tajjeb għall-ħsara li wettaq.
Il-Qorti innotat li ż-żagħżugħ għandu jingħata l-għajnuna biex isib impjieg ħalli jħossu aktar utli u jżomm ’il bogħod milli jerġa’ jxellef difrejh mal-liġi.
Fuq ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti sabitu ħati u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. Huwa ġie ordnat sabiex jagħmel 100 siegħa ta’ xogħol fil-komunità u jħallas €5,872 lill-vittmi tiegħu.