Monday, May 13, 2024

Jammetti li seraq oġġetti mill-kumpanija li kien jaħdem magħha

Aqra wkoll

Luke Zammit ta’ 34 sena residenti Wied il-Għajn ingħata l-ħelsien mill-arrest, wara li tressaq il-Qorti mixli li seraq ammont ta’ mobile phones u smart watches mill-kumpanija li kien jaħdem magħha b’valur ta’ madwar €17,500.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li f’Jannar tal-2023, l-Pulizija daħlilhom rapport mill-kumpanija dwar impjegat Luke Zammit, li kellu jwassal xi mobile phones f’xi ħwienet tal-istess kumpanija. Hija spjegat kif permezz tal-cameras tas-sigurtà, Zammit deher ħiereġ b’kaxxa bil-mobile phones fiha, iżda dawn qatt ma wasslu fid-destinazzoni li kellhom jaslu. 

Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li minn iktar investigazzjoni li saret irriżulta li wħud mill-mowbajls kienu intraċċati wara li nxtegħlu minn terzi li xtraw l-istess mobiles. Il-Pulizija tkellmu mas-sidien tal-mowbajls u irriżulta li dawn kienu inxtraw minn ħanut f’Raħal Ġdid. Dan ir-raġel ġie mitkellem mill-Pulizija u qal li hu kien xtrahom mingħand l-akkużat. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil qalet li se tagħti s-sentenza l-ġimgħa d-dieħla. Intant, il-Maġistrat Busuttil laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-kundizzjoni li jħallas depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.

Il-Prosekuzzoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Roxanne Tabone. Għal akkużat, deher l-Avukat Amadeus Cachia.

Sport