Thursday, December 26, 2024

Jammetti li ta fastidju lil mara u weġġa’ lilha u lis-sieħeb tagħha

Aqra wkoll

Raġel ta’ 37 sena min-Niġerja wieġeb ħati li ta fastidju lil mara u li weġġa’ lilha u lill-għarus tagħha.

Osas Omoregbe, li għandu wkoll karta tal-identità Taljana iżda li m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna, kien mixli li darab ħafif lir-raġel u l-mara u li kiser il-paċi pubblika. Il-każ seħħ nhar it-Tlieta li għadda f’San Pawl il-Baħar.

Omoregbe huwa mifhum li ħa grazzja ma’ mara li kienet taħdem f’ħanut f’San Pawl il-Baħar. Jidher li r-raġel kien beda jċempel fuq in-numru li kien hemm imniżżel mal-faċċata tal-ħanut u kien ukoll qed iżur l-istess ħanut ripetutament biex ikellimha.

Dakinhar li seħħ il-każ, l-għarus tal-mara nzerta kien akkumpanjaha għax-xogħol wara li kienet ilmentat mill-fastidju. Meta Omoregbe reġa’ mar fil-ħanut, allegatament inqalgħet ġlieda u li fiha kienu involuti kemm il-mara kif ukoll l-għarus tagħha li weġgħu ħafif.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fejn wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin. Sadanittant, il-Qorti kienet infurmata wkoll li l-imputat kien se jirritorna lura l-Italja.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Warren Galea mentri l-Avukat David Bonello deher għal Omoregbe.

Ekonomija

Sport