Friday, May 3, 2024

Jammetti mal-Pulizija li tah daqqiet ta’ sikkina għax ma kellux alternattiva oħra

Jibda jinstema’ l-każ dwar il-qtil ta’ Eġizzjan fil-Marsa

Aqra wkoll

Is-Sudaniż mixli bil-qtil ta’ Eġizzjan fil-Marsa kien ammetta mal-pulizija li ta daqqiet ta’ sikkina lill-vittma għax ma kellux alternattiva oħra billi kien qed jibża’ li kien se jkun attakkat mill-istess vittma.

Dan id-dettall ħareġ fil-Qorti hekk kif bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Al Mahy Ezzo Saeed ta’ 28 sena li qed jiġi mixli li qatel lill-Eġizzjan li kellu 21 sena. 

Saeed qed jiġi mixli wkoll li ġarr sikkina mingħajr liċenzja, li kellu fuqu din l-arma fil-ħin li kien qed jagħmel reat u li b’mod volontarju kiser il-paċi pubblika.

L-Ispettur Shawn Pawney xehed li nhar l-24 ta’ Lulju 2022, huwa kien infurmat li kien hemm persuna li ma kinitx qiegħda tirrispondi għat-trattament fi Triq Patri Feliċjan Bilocca fil-Marsa. 

Qal li din il-persuna kienet maskili u ta’ nazzjonalità barranija li nstab mal-art mill-pulizija tal-RIU u mill-paramediċi li kienu fuq il-post. Il-vittma mbagħad ittieħed l-Isptar fejn sfortunatament miet ftit tal-ħin wara. 

Il-Pulizija bdiet minnufih bl-investigazzjonijiet tagħha fejn fiż-żona sabet xi dmija mal-art. Xhieda fuq il-post kienu qalu li l-argument beda qrib rampa ta’ Triq Diċembru Tlettax u kompla għaddej f’toroq oħra fil-viċin. 

Il-Pulizija mbagħad kienu arrestaw persuna li kien inżamm minn persuni oħra ċivili. L-Ispettur Pawney qal li minn aktar stħarriġ irriżulta li l-persuna arrestata allegatament kien ta daqqiet ta’ sikkina lill-persuna l-oħra. Dan ġie identifikat bħala Al Mahy Ezzo Saeed u ġie skortat lejn l-Għassa tal-Ħamrun għal aktar investigazzjonijiet. 

Sa dak il-ħin, il-vittma kien għadu ma ġiex identifikat. Palestinjan li xehed fl-inkjesta b’rabta ma’ dan il-każ stqarr li huwa kien viċin ta’ fejn seħħet il-ġlieda u kien jaf kemm lill-vittma u anke lill-akkużat.

Dan ix-xhud spjega li kien inqala’ argument bejn iż-żewġt irġiel li għall-ewwel kien verbali u sussegwentement Saeed jidher ifajjar daqqiet ta’ sikkina lill-persuna l-oħra. Dan ix-xhud qal li kien sema’ wkoll lill-vittma jgħajjat bl-uġigħ.

Persuna oħra li kellmu l-pulizija kien Niġerjan residenti Ħaż-Żabbar li dakinhar li seħħ il-każ kien mar fuq il-post biex jixtri l-ikel. Huwa qal li nzerta liż-żewġt irġiel jitlewmu u pprova jwaqqafhom b’mod verbali. Spjega kif huwa kien ra lill-imputat jagħti diversi daqqiet ta’ sikkina lill-vittma u dan imbagħad mexa numru ta’ passi sakemm waqa’ mal-art u ma reġax qam.

L-Ispettur Pawney kompla jgħid li raġel ieħor minn Sierra Leone ta wkoll il-verżjoni tiegħu u sostna li din kienet taqbel ma’ tal-oħrajn. Dan ir-raġel kien spjega lill-Pulizija li wara li ra l-inċident, ħass li kellu jintervjeni. Spjega wara li rnexxielhom iżommu lill-akkużat, ikkonvinċieh jerġa’ jpoġġiha f’pouch li kellu fuqu. 

Il-vittma nstab li kellu erba’ daqqiet ta’ sikkina f’sidru u f’dahru. Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, l-akkużat qal li kellu argument ma’ ċertu Mahmoud u wara li mbuttah, tah diversi daqqiet ta’ sikkina. Huwa kien ikkonferma wkoll li ġrew warajh xi persuni u li s-sikkina li kellu fuqu kienet l-istess waħda li biha ta d-daqqiet lill-Eġizzjan. 

L-akkużat kien tressaq il-Qorti wara li ġie interrogat. Aktar tard, il-vittma ġie identifikat bħala Admi Mohamed, li kien wasal Malta bid-dgħajsa f’Ġunju tal-2019. 

Il-każ ikompli fit-12 ta’ Settembru. Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Shawn Pawney u Roderick Spiteri. L-Avukat Jason Grima deher għall-imputat.

Sport