Żagħżugħ ta’ 27 sena residenti Ħal Tarxien u żagħżugħa ta’ 22 sena residenti n-Naxxar, ammettew quddiem il-Maġistrat Yana MIcallef Strafrace li fit-13 ta’ Frar serqu tliet batteriji tal-Kumpanija Melita minn Triq is-Salib tal-Marsa.
Iż-żagħżugħ kien akkużat ukoll li seraq 60 batterija minn postijiet differenti fosthom Ħal Tarxien, Ħal Luqa, Ħal Qormi, l-Imsida.
Il-batteriji li nsterqu kienu installati f’settijiet ta’ tlieta u huma stmati madwar €19,000. Huwa mifhum nofs il-batteriji misruqa ġew ritornati lill-Pulizija.
Wara talba tad-difiża tal-mara, il-Qorti laqgħet talba għal ‘pre-sentencing report’ biex jiġi stabbilit jekk il-mara hix se tingħata ordni ta’ probation jew servizz fil-komunità.
L-avukat li deher għaż-żagħżugħ ukoll talab li jitħejja l-istess rapport u anke biex tinħareġ ordni ta’ trattament fuq il-klijent tiegħu biex ikun jista’ jindirizza l-vizzju tad-droga sintetika tiegħu.
Il-Qorti wara li semgħet lill-akkużati jammettu għall-akkużi, tathom il-ħelsien mill-arrest. Iż-żagħżugħa ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000, ordnata tiffirma l-Għassa tal-Pulizija tan-Naxxar tliet darbiet fil-ġimgħa u ma tistax toħroħ mid-dar bejn it-8.00pm u s-6.00am.
L-avukat tal-AĠ Clive Aquilina flimkien mal-Ispettur Joseph Mercieca mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Ismail Vella assista wkoll lir-raġel. L-avukat tal-għajnuna legali Maria Karlsson assistiet il-mara. Is-sentenza mistennija tingħata fil-jiem li ġejjin.