Albert McCarthy hu bniedem magħruf ħafna f’Malta l-aktar fi żmien il-Milied meta jilbes ta’ Santa Klaws. Għandu 80 sena iżda l-passjoni li għandu għall-Milied hi waħda mmensa.
Hekk kif ninsabu ftit ġranet ‘il bogħod minn waħda mill-ikbar festi kalendarji tal-knisja madwar id-dinja, dan is-sit iddeċieda li jitkellem ma’ McCarthy li bil-paċenzja kollha qagħad iwieġeb għall-mistoqsijiet tagħna.
Iżda xi tfisser għalih il-festa mqaddsa tal-Milied?
“Jien bniedem li nemmen ħafna f’din il-festa tant għażiża fejn twieled Ġesu Bambin. Jien jogħġobni ħafna l-lat spiritwali ta’ din il-festa aktar milli dak materjali li sfortunatament mogħnija ħafna biha.”
Albert McCarthy imdorri jilbes dik il-libsa l-ħamra kull sena fix-xahar ta’ Diċembru u jrid li jissejjaħ Santa Klaws u mhux Father Christmas minħabba li hemm l-isem ta’ Klaws li għandu konnessjoni diretta ma’ Ġesu Bambin.
Iżda kif beda jilbes ta’ Santa Klaws?
“Bdiet minn meta kont żgħir u kont għalliem fl-iskola Primarja ta’ Birkirkara. Niftakar li darba minnhom kulħadd beda jħeġġiġni sabiex nilbes ta’ Santa Klaws. Il-purtinar tal-iskola kien qabad dik it-trolley li normalment kienet tintuża’ biex iġġorr il-ħalib fuqu. Dik kienet isservi ta’ slitta u ħaddieħor iġorrni u eventwalment nidħol f’nofs is-sala u ngħajjat il-famuża ĦO ĦO ĦO bit-tfal li erħilhom jgħajtu u jgħajtuli. Għaddew 50 sena minn dak iż-żmien li nibqa’ ngħożżu tul ħajti kollha.”
Albert McCarthy rtira ta’ 55 sena u jistqarr magħna li jbati mill-kundizzjoni tal-bi polar. F’dawn l-aħħar snin, qed jiddedika ħafna minn ħajtu għall-volontarjat partikolarment b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali ta’ Ħal Balzan. Kien wieħed mill-promoturi ta’ Radju Valentine li jxandar mir-raħal stess, radju tal-komunita’ li inċidentalment kien ukoll l-ewwel radju diġitali f’Malta. Kienet xi ħaġa unika għal dak iż-żmien.
Hu jagħti sehmu wkoll f’Dar Merħba Bik fejn din tilqa’ fiha nisa msawta jew inkella li jkunu mkeċċija mid-dar tant li jiġu jgħixu hemm bit-tfal b’kollox.
“Dawn huma tfal verament ħelwin li tgħidx kemm jifirħu meta jarawni fiż-żmien il-Milied. Jien min-naħa tiegħi nqassmilhom dak ir-rigal tant ħelu u għalija hu ta’ sodisfazzjon kbir li nara dik it-tbissima fuq fommhom.”
Albert McCarthy jgħid li wara dak iż-żmien involut fil-volontarjat, ġie avviċinat mill-preżentatur Peppi Azzopardi sabiex jieħu sehem ukoll f’Xarabank. L-affarijiet bdew jikbru u hu spiċċa jqassam ir-rigali f’diversi parroċċi madwar Malta. Dan kollu nfirex ukoll fis-supermarkets ewlenin fejn ukoll iċemplulu sabiex jiġi jagħmel dan il-ġest li għat-tfal ifisser ħafna. Naturalment xi ritratt jew stessu miegħu ‘l hemm u ‘l hawn ma jonqosx!
“Ili nqassam ir-rigali f’dan is-supermarket partikolari mill-1999 u kien biss fis-sentejn tal-pandemija tal-COVID-19 li waqafna. Issa ninsab ħerqan sabiex wara tliet snin nerġa’ nibda nagħmel dan ix-xogħol tant għal qalbi!
McCarthy jitkellem dwar il-volontarjat, kelma li sfortunatament bħal donnu qed tnaqqas ħafna fil-vokabularju ta’ xi wħud. Iżda x’ifisser għalih il-volontarjat?
Hu jgħid li s-sodisfazzjon li jtik il-volontarjat m’għandux limitu. Hu jgħid li hi xi ħaġa sabiħa li tagħti ftit mill-ħin tiegħek lil ħaddieħor, partikolarment dawk li huma fil-bżonn. Jammetti li jħossu kburi meta jkun kapaċi jgħin lil xi ħadd u jkun kuntent għax għamel opra tajba ma’ ħaddieħor.
McCarthy hu wieħed mill-promoturi tal-ikla speċjali li tiġi organizzata għall-anzjani li jkunu waħedhom f’dawn iż-żminijiet ta’ festa. Sabiex din l-ikla ma taħbatx ma’ dik tal-CARITAS, din id-darba se jorganizzawha fit-8 ta’ Jannar li ġej u McCarthy jagħti daqqa t’id sew sabiex kollox imur kif suppost.
Tkellimna mas-Santa Klaws ta’ Malta dwar il-Milied u t-tifsira veru tiegħu. Kemm għadu validu llum il-ġurnata t-twelid ta’ Ġesu Bambin fis-soċjetà tal-lum?
“B’xorti ħażina, illum qed ngħixu fi żmien fejn id-dinja materjali ħadet ħafna mill-messaġġ nisrani ta’ din il-festa tant qaddisa. Il-fatt li forsi naqas illum il-ġurnata ma jfissirx li tabbanduna kollox u nħallu kollox għal riħu. Jien nemmen li trid tibqa’ tiġġieled kontra l-kurrent u bir-rieda t-tajba twassal messaġġ pożittiv lin-nies ta’ rieda tajba.”
“Jien ma naċċettax per eżempju ċerti terminoloġiji bħal X-mas flok Christmas jew inkella jneħħu ċerti kliem nisrani sabiex inġiegħlu lin-nies jaħsbu li dawn huma żminijiet ta’ vaganzi u xejn aktar. Fl-Istati Uniti fil-fatt jgħidulu holiday season u Kristu ma jissemma’ mkien.”
Bla dubju li Albert McCarthy hu famuż b’dik id-daqna bajda karti li għandu. Kif jirnexxielu jieħu ħsiebha u tibqagħlu sabiħa.
“Jien nibda ntawwal id-daqna għall-ħabta ta’ Lulju u nħalliha saż-żmien tal-Milied. Kif eżatt jgħaddu dawn il-festi nqaxxarha waħda tajba. Madankollu nieħu ħsiebha sabiex titlagħli b’saħħitha u folta.”
Albert McCarthy jitkellem dwar il-kundizzjoni tiegħu bħala bi-polar. Hu flimkien mal-mara tiegħu jiltaqgħu ma’ grupp ta’ nies darba f’xahar. Dawn ukoll ibatu mill-istess kundizzjoni u flimkien jaqsmu dawn l-esperjenzi tal-ħajja sabiex iħossuhom aħjar. Ħadd m’hu aħjar minn ħadd. Kulħadd qiegħed taħt l-istess keffa u dan il-fattur itihom ħafna kuraġġ.
McCarthy hu wkoll promotur tal-għoti tad-demm fejn mhux darba jew tnejn li jissemma’ jew jidher f’xi riklam sabiex in-nies jikkonkorru u jmorru fil-bank tad-demm.
“Ili madwar 13-il sena niġi mistieden sabiex nidher f’riklami filwaqt li nħeġġeġ lin-nies jagħtu d-demm. Jien personali nixtieq nagħti ftit mid-demm tiegħi sabiex nagħti sehmi iżda l-eta’ tiegħi ma tħallinix. Minkejja kollox, qaluli li qed nagħti sehmi permezz ta’ dawn ir-riklami u jien għalhekk nagħmel li nista’ biex nipperswadi lin-nies jagħmlu wkoll il-parti tagħhom speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ festi fejn nippruvaw niftakru f’kulħadd.
Finalment tlabna lil Albert McCarthy, is-Santa Klaws ta’ Malta sabiex jagħti l-aħħar messaġġ tiegħu dwar il-valur veru tal-Milied.
“L-ewwelnett nixtieq nappella lin-nies u lil dawk ta’ rieda tajba sabiex jinsew id-differenzi ta’ xulxin. Tara familji li huma miksura u ma jitkellmux minħabba dak l-imbierek wirt, għax hu messu tant u l-oħra bilkemm ħadet flus. Inutli wieħed iġebbed u jżomm f’qalbu għax fl-aħħar mill-aħħar qalbek ma tkunx kuntenta.”
“Finalment, importanti li naraw is-sens veru tal-Milied, it-twelid ta’ Ġesu Bambin. Ejja nħallu dan il-Milied jagħmel id-differenza kollha f’ħajjitna u ma nkunux mehdijin f’ħafna xinxilli li fl-aħħar mill-aħħar huma biss temporanji!”
Albert McCarthy awgura lill-qarrejja ta’ din l-intervista l-Milied u s-sena t-tajba u ma naqasx milli jgħidilna l-famuża ĦO ĦO ĦO li tant hu rinomat għaliha!