Tuesday, December 24, 2024

Jappella lill-Istati Membri u lill-KE biex jikkontrollaw u jissorveljaw prezzijiet artifiċjalment għoljin għal prodotti essenzjali

Aqra wkoll

Il-MPE Alex Agius Saliba qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri nazzjonali speċifiċi biex jikkontrollaw u jissorveljaw prezzijiet għoljin u inġusti għal prodotti essenzjali matul l-imxija tal-COVID-19.

“Prezzijiet tal-ikel, prodotti mediċinali u sanitarji żdiedu b’mod inġust minn xi distributuri, bejjiegħa bl-imnut u manifatturi li qed jippruvaw jiksbu vantaġġ mid-domanda qawwija b’riżultat tal-Coronavirus,” iddikjara l-MPE Agius Saliba.

“Sa mill-bidu tal-imxija tal-COVID-19, kien hemm żieda f’kummerċjanti diżonesti li raw kif għamlu biex jisfruttaw is-sitwazzjoni attwali biex ibigħu prodotti essenzjali bi prezzijiet għoljin ħafna, bl-iskuża li naqas l-istokk, pereżempju, u permezz t’hekk żgwidaw lill-konsumaturi. Kien hemm diversi lmenti f’pajjiżi differenti dwar żieda f’daqqa fil-prezzijiet fuq ċerti prodotti.”

“Kummerċjanti diżonesti qed jużaw l-imxija tal-Coronavirus bħala skuża għaż-żidiet f’daqqa fil-prezzijiet ta’ ċerti prodotti importanti minn 10 % għal 100 % jew saħansitra aktar. Ninsabu fi żmien ta’ emerġenza nazzjonali fejn ħafna ħaddiema madwar l-Ewropa tilfu xogħolhom jew qed jaħdmu fi skemi ta’ sigħat imnaqqsa, u għaldaqstant dawn iż-żidiet inġusti fuq oġġetti essenzjali qed ipoġġu aktar pressjoni finanzjarja u restrizzjonijiet fuq iċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli matul il-pandemija.”

Il-MPE żied jgħid li l-prezzijiet esaġerati attwali jiġu minn bejjiegħa li qed jieħu vantaġġ u jikkapitalizzaw fuq il-biżgħat tal-konsumaturi kkawżati minn din il-pandemija. “Dan mhuwiex ġust u m’għandhomx jitħallew jgħollu jew jiffissaw prezzijiet u jiggwadanjaw profitti ogħla matul din is-sitwazzjoni. Il-ħajja tan-nies tinsab f’riskju hawnhekk”, qal il-MPE Laburista.

“Jien tlabt lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaġixxu u jipprevjenu tali prattiċi kummerċjali inġusti u jekk meħtieġ jadottaw miżuri speċifiċi ta’ infurzar biex jissorveljaw u jikkontrollaw il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali sabiex inwaqqfu prezzijiet abbużivi u jgħaddu l-provvisti lil dawk l-aktar fil-bżonn” ikkummenta l-MPE Alex Agius Saliba.

Ekonomija

Sport