Tuesday, April 30, 2024

Mark Chetcuti se jkun il-Prim Imħallef il-ġdid

Aqra wkoll

Qbil bla preċedent bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni għall-ħatra tiegħu

Il-Gvern, bi qbil mal-Oppożizzjoni, se jkun qed jagħti parir lill-President ta’ Malta sabiex jaħtar lill- Imħallef Dr Mark Chetcuti bħala l-Prim Imħallef il-ġdid u s-suċċessur tal-Prim Imħallef attwali Dr Joseph Azzopardi. 

Hu mistenni li dan il-parir jingħata wara li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Opożizzjoni mmexxu mozzjoni konġunta fil-Kamra tad-Deputati llejla stess. Il-Prim Imħallef, Dr Joseph Azzopardi, ser ikun qed jirtira bl-età nhar it-8 ta’ April. Konsegwentament, Dr Chetcuti jkun jista’ jinħatar bħala l-Prim Imħallef il-ġdid tal-Qrati ta’ Malta. 

Dr Mark Chetcuti nħatar bħala mħallef fl-2010, wara karriera ta’ aktar minn 30 sena jipprattika l- professjoni legali bħala avukat. 

Il-Kabinett tal-Ministri approva din id-deċiżjoni ftit tal-ħin ilu. Dan kollu wara li ntlaħaq qbil fil- prinċipju dwar emendi maħsuba li jsiru, kemm fil-Kostituzzjoni u wkoll fil-liġijiet ordinarji ta’ pajjiżna, dwar kif għandhom jiġu maħtura ġudikanti ġodda, u dwar kif għandu jiġi maħtur Prim Imħallef eventwali hekk kif Dr Mark Chetcuti jispiċċa minn din il-kariga. Il-proposti dwar ħatriet eventwali huma dejjem soġġett li dak maqbul jiġi approvat mill-Kummissjoni ta’ Venezja. 

Il-Gvern jirringrazzja lill-Prim Imħallef Dr Joseph Azzopardi għall-kontribut siewi u għad- dedikazzjoni tiegħu lejn il-ġudikatura u lejn l-istat Malti. 

Sport