Monday, December 9, 2024

Jallega li seraq għax ma kellux x’jiekol

Aqra wkoll

Jinżamm arrestat b’rabta ma’ ħames serqiet sempliċi

Mario Grima ta’ 57 sena mill-Belt Valletta nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li wettaq ħames serqiet, meqjusa bħala sempliċi, mill-istess lokalità.

Il-każijiet seħħew fil-perjodu bejn Ottubru 2019 u Marzu li għadda, bl-aktar każ riċenti seħħ ilbieraħ fejn kien mixli li seraq landa taż-żebgħa minn ġewwa fond fi Triq San Pawl. 

Huwa kien mixli wkoll li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u fit-28 ta’ Jannar li għadda, minn ġewwa l-Food Market tas-Suq tal-Belt, seraq żewġ fliexken Whiskey u flixkun Amaretto.

Akkużi oħra miġjuba kontrih jgħidu li fl-10 ta’ Diċembru li għadda huwa seraq ċikkulata ta’ valur ta’ €10.90 u li fil-25 ta’ Ottubru 2019 seraq nuċċali ta’ valur ta’ €89 minn ġewwa l-istabbiliment P. Muscat Opticians. 

Huwa kien mixli wkoll li kiser il-provvediment tal-libertà kundizzjonata mogħtija lilu b’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati nhar il-11 ta’ Frar li għadda u li sar reċediv. 

“Il-ġuħ jagħmel kollox”

L-imputat Mario Grima

Grima wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab li jingħata l-ħelsien mill-arrest. Huwa ddikjara quddiem il-Qorti li dak li għamel, għamlu minħabba li ma kellux x’jiekol. “Il-ġuħ jagħmel kollox,” qal l-imputat bil-Maġistrat Victor Axiak jgħidlu: “allura s-soluzzjoni hi dik li tisraq?.”

L-Ispettur Priscilla Caruana Lee, li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ, oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li l-imputat kien diġa’ ngħata ċans ieħor fi Frar li għadda wara li kien instab ħati li seraq fwieħa u ngħata l-opportunità biex iħallasha. 

Fl-istess waqt, hija qalet li kieku l-imputat ma kellux x’jiekol, ma kienx jisraq il-fliexken tal-whiskey li nstabu fir-residenza tiegħu. “Ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk. Huwa dmir tagħna li s-soċjetà tkun protetta,” qalet l-Ispettur Priscilla Caruana Lee. 

Wara li semgħet it-trattazzjoni taż-żewġ partijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba nuqqas ta’ affidabilità tal-imputat kif ukoll minħabba n-natura tar-reati li għalkemm ma jinvolvux ammonti kbar ta’ flus huma frekwenti u konsistenti u li l-fedina penali tiegħu tinkludi diversi reati oħra tal-istess xorta. 

Għaldaqstant, Grima baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv, bil-Qorti tirrakkomanda lill-prosekuzzjoni biex fis-seduta li jmiss tressaq ix-xhieda kollha li għandha bżonn tressaq.

L-imputat kellu jassistih lill-Avukat tal-Għajnuna Legali. Christopher Chircop. 

Ekonomija

Sport