Friday, April 19, 2024

Jarhead Young Sailors Foundation u s-Center for Sport Excellence jħabbru memorandum ta’ ftehim

Aqra wkoll

Jarhead Young Sailors Foundation (JYSF) u s-Centre for Sport Excellence (CSE) iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim (MoU) li se jipprovdi struttura akkreditata ta’edukazzjoni u taħriġ għall-programmi offruti mill-JYSF. Il-bażi ta’ dan il-ftehim ddur madwar il-kunċett ta’taħriġ fil-prattika li se jippermetti lill-parteċipanti jipprattikaw l-isport u jiżviluppaw ħiliet tal-ħajja permezz tal-isport tal-ibburdjar.

L-Amministratur tal-JYSF, Wilfrid Buttigieg stqarr: “Dan il-proġett huwa bbażat fuq it-twemmin li l-esperjenza fl-ibburdjar tipprovdi opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ħiliet bħal ħidma f’tim, dixxiplina, komunikazzjoni, sens ta’ avventura, ħiliet relatati mal-baħar u aktar.

Għalhekk l-għan ewlieni huwa li l-parteċipanti jitħallew jiksbu l-ħiliet tal-ħajja u l-attitudnijiet meħtieġa biex isiru ċittadini attivi bil-kapaċità li jirnexxu fuq ix-xogħol u fis-soċjetà.”

Il-fundatur tas-CSE, Martin Borg, spjega li “Dan il-ftehim ser jwassal għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni u provvista ta’ taħriġ li ma tkunx formali u applikata. Se nkunu qed naħdmu flimkien biex nassiguraw li l-istudenti jgawdu l-attività tagħhom permezz tal-ibburdjar u fl-istess ħin jissodisfaw r-rekwiżiti kif stabbiliti mid-direttorat għall-istandards u l-kwalità fl-edukazzjoni”

Is-Sur Buttigieg żied jgħid: “L-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa pass ieħor ‘il quddiem għall-Fondazzjoni li bih se nipprovdu wkoll programm ta’ kurrikulu akkreditat. It-trasformazzjoni tal-esperjenza ta’ tagħlim miksuba f’ċertifikat akkreditat se tkun utli għall-parteċipanti tagħna meta jidħlu fid-dinja tal-impjieg. Aħna konxji li diversi studenti li ġew introdotti għall-ibburdjar permezz tal-Fondazzjoni issa sabu impjieg fis-settur marittimu. Aħna nimmiraw li nibqgħu naħdmu f’din id-direzzjoni u nipprovdu lill-parteċipanti kollha, li jimpenjaw ruħhom lil hinn mill-ewwel sessjonijiet, b’ċertifikazzjoni akkreditata skont il-livelli ta’ esperjenza u taħriġ li jiksbu.”

Sfond:

Il-Jarhead Young Sailors Foundation (JYSF) hija Entita Non-Governattiva li tamministra żewġ dgħajjes tal-qlugħ tat-tlielaq J-109 ta’ 36 pied  – “JYS Jan” u “Jarhead” kif ukoll dgħajsa ta’ 28 pied tal-għamla Axopar li tassisti lid-dgħajjes tal-Fondazzjoni meta meħtieġ. Il-JYSF jaħdem mill-qrib ma’ bosta entitajiet u l-awtoritajiet nazzjonali tal-edukazzjoni bi ħsieb li jilħqu liż-żgħażagħ skont l-għanijiet statutorji tiegħu.

Studenti minn entitajiet bħal Youth.Inc (l-Aġenzija Nazzjonali taż-Żgħażagħ ta’ Malta), il-Malta Trust Foundation, l-Equal Partners Foundation, St.Patricks Salesian School Sliema, Fondazzjoni Sebħ, Dar Tal-Providenza, u -sistemi edukattivi nazzjonali “Learning Centres” u Organizzazzjonijiet Volontarji oħra jingħataw prijorità minħabba li l-għanijiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jimxu b’mod parallel mal-ambitu stabbilit mill-fundaturi tal-JYSF.

Aktar informazzjoni dwar il-Jarhead Young Sailors Foundation tinstab permezz tas-sit elettroniku tagħha – www.jarheadyoungsailorsmalta.org, il-paġni ta’ Facebook u Instgram @jysmalta. Alternattivament wieħed jista uża l-email [email protected] jew telefon +356 9997 7778.

Ic-Center for Sport Excellence huwa ekosistema internazzjonali fl-isport u l-edukazzjoni bbażata f’Malta li għandha l-għan li tiżviluppa u ssostni l-livell ta’ prestazzjoni ta’ persuni sportivi permezz ta’ edukazzjoni, taħriġ, avvenimenti u riċerka. Aktar informazzjoni dwar iċ-Ċentru għall-Eċċellenza Sportiva tista’ tinstab permezz tas-sit elettroniku  www.centerforsportexcellence.com jew telefon +356 7930 3267.

Sport