Wednesday, April 24, 2024

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tisħaq fuq il-korrettezza u l-fattwalità

Aqra wkoll

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli enfasizzat li artiklu li rrefera għalih id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar fuq ġurnal lokali fl-2014 ma kitbitux hi għax dakinhar la kienet ġurnalista u wisq inqas editur. 

Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li meta fi Frar ta’ din is-sena kien hemm persuna li pubblikament ipprovat tumilja lil Cutajar li għandu diżabilità, hija ħarġet pubblikament tiddefendih.

“Lill-Onor. Cutajar nirrispettah ħafna aktar milli jaħseb. Illum għamel kumment li huwa skorrett. Li hija gidba. Mort biswitu biex nara meta skont hu jien jew il-ġurnal li fi kliemu kont editur tiegħu attakkajtu għaliex ma nemminx fid-diżabilità.

“Qalli li dak l-artiklu inkiteb fl-2014. Spjegajtlu li binti twieldet fis-6 ta’ Mejju 2013 u jien waqaft minn editur ftit qabel. Nitlob li jirtira l-kliem tiegħu. Ma rrikorrejtx għall-privileġġ parlamentari. 

“Però nitlob li tal-inqas f’din il-kamra inkunu fattwali. Cutajar qalli għax lilu hekk qalulu. It-titlu ta’ Onorevoli jiġi mhux kif jgħidulna l-kliem aħna nibilgħuh imma nkunu korretti u fattwali,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal li l-informazzjoni li kellu kienet ġejja direttament mill-gazzetta għax ħassu mweġġa’ b’dak li deher. “Jekk qed tgħid li ma kontx l-editur dakinhar ma għandix għalfejn niddubita minn dak li qed tgħid,” stqarr Cutajar.

Sport