Saturday, December 21, 2024

Jaslu lura Malta l-pumpiera li ssieltu n-nirien fil-Greċja

Aqra wkoll

Irritorna lura f’pajjiżna l-aħħar kontinġent ta’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kienu ntbagħtu fil-Greċja sabiex jgħinu lill-kollegi Griegi jikkumbattu n-nirien li f’dawn iż-żminijiet sajfin jaħkmu l-imsaġar f’diversi nħawi f’dak il-pajjiż.

B’kollox Malta bagħtet 40 uffiċjal maqsuma f’żewġ kontinġenti. L-ewwel kontinġent ta’ 20 uffiċjali ntbagħat f’Patras fil-Greċja mbagħad dawn ġew mibdula ma’ kontinġent ta’ 20 uffiċjal ieħor li ħadu posthom.

It-tieni kontinġent wasal lura Malta fl-aħħar sigħat fejn kienu milqugħa mill-familjari tagħhom. Ma’ dawn il-pumpiera kienu marru wkoll żewġ voluntiera minn għaqdiet mhux governattivi, wieħed mill-Emergency Fire and Rescue Unit u ieħor u ieħor mis-St John’s Rescue Corps.

Fuq Facebook, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri wera l-apprezzament tiegħu lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li fil-Greċja ssieltu n-nirien li ħakmu dan il-pajjiż kawża tas-sħana filwaqt li anke ħadu taħriġ importanti f’ċirkostanzi mhux solitii għal pajjiżna.

“Il-kuraġġ u d-dedikazzjoni li biha tilbsu l-uniformi biex tgħinu lin-nies milquta jagħmluna kburin,” qal il-Ministru Camilleri.

Ekonomija

Sport