Wednesday, March 25, 2026

Jasmine Abela … mhux biss tirbaħ ‘Muzika Mużika’ … iżda twassal messaġġ qawwi lill-ġenerazzjoni żagħżugħa

Aqra wkoll

Ir-rebħa ta’ Jasmine Abela fis-sitt edizzjoni tal-festival “Mużika Mużika” kienet waħda li mhux biss timmarka pass importanti fil-karriera tagħha, iżda wkoll storja ta’ perseveranza, emozzjoni u passjoni lejn il-mużika Maltija. Bil-kanzunetta “Nistaqsi”, li ġiet komposta minn Glen Vella u b’lirika ta’ Philip Vella, Jasmine rnexxielha tikkonvinċi kemm lill-ġurija kif ukoll lill-pubbliku, u b’hekk ħadet l-ewwel post u premju ta’ €20,000.

F’intervista esklussiva li tat lil dan il-ġurnal wara r-rebħa tagħha, Jasmine ma ħbietx l-emozzjonijiet kbar li kienet qed tħoss. “Rebħa straordinarja li għadni ma nistax nemmen li għadni kemm esperjenzajt. Dan juri kemm qatt m’għandek taqta’ qalbek,” qalet b’vuċi mimlija ferħ. “Għandi ħafna emozzjonijiet diffiċli nispjega dak li qed inħoss bħalissa. Li naf żgur hu li qalbi qed tfur bil-ferħ.”

Hija enfasizzat kemm kien importanti għaliha l-appoġġ tan-nies u t-tim tagħha. “Kemm hu sabiħ meta tħoss is-sapport tan-nies. Dan kollu ma nħossx li għamiltu waħdi anzi aħna rbaħna lkoll flimkien.” Din il-frażi tirrifletti l-umiltà tagħha u r-rikonoxximent lejn dawk kollha li kienu parti mill-vjaġġ tagħha.

Jasmine tkellmet b’mod speċjali dwar it-tim kreattiv li ħadem fuq il-kanzunetta. Hija rringrazzjat lil Glen Vella għall-kompożizzjoni, lil Philip Vella għal-lirika u lill-produttur Shaun Vella għall-ħidma tiegħu. Barra minn hekk, ma naqsitx li ssemmi lill-arranġatur Edward Mifsud, li rebaħ ukoll il-premju għall-Aħjar Arranġament Mużikali proprju għal “Nistaqsi”.

“Dan huwa xogħol ta’ tim,” spjegat Jasmine. “Kulħadd ta sehem biex il-kanzunetta tilħaq livell għoli. Jiena biss il-vuċi, imma hemm ħafna nies wara li jagħmlu dan kollu possibbli.”

Aspett ieħor li jispikka fil-karattru ta’ Jasmine huwa l-awtentiċità tagħha, kemm fuq il-palk kif ukoll barra minnu. Hija temmen li s-suċċess veru ma jiġix biss mit-talent, iżda mill-kuraġġ li tkun int stess, anke meta tħossok vulnerabbli. 

“Qatt ma ridt inkun xi ħadd ieħor ħlief jien,” tgħid hi. “Inħoss li n-nies jikkonnettjaw miegħek meta tkun ġenwin u meta dak li tkun qed tkanta jiġi minn qalbek.” Din il-filosofija kienet evidenti fil-prestazzjoni tagħha ta’ “Nistaqsi”, fejn mhux biss kienet qed tkanta kanzunetta, iżda kienet qed tgħix kull kelma tagħha fuq il-palk. 

Il-mod kif wasslet l-emozzjoni għamel differenza kbira u kien wieħed mill-fatturi li kkonvinċa lill-ġurija u lill-pubbliku. Jasmine tispjega li kull esperjenza personali li għaddiet minnha għenet biex tifforma l-artista li hi llum. “Kull sfida, kull mument diffiċli, jagħtik xi ħaġa. Illum nista’ ngħid li dawk il-mumenti għenuni nkun aktar b’saħħti u aktar konvinta minn dak li rrid nagħmel.” Din il-maturità tidher ukoll fil-mod kif titkellem dwar il-futur tagħha, mhux b’għaġla, iżda b’viżjoni ċara u b’rispett lejn il-proċess artistiku tagħha.

Barra mill-mużika, Jasmine semmiet ukoll l-importanza tat-tim tagħha ta’ sbuħija u produzzjoni. “Nixtieq nirringrazzja lil Gabriella għall-make-up, lil Mika li tieħu ħsieb id-dwiefer tiegħi, u lil kulħadd li aċċerta li nidher tajjeb f’kull serata. Dawn huma dettalji li jagħmlu differenza kbira fuq palk bħal dan.”

Il-vjaġġ tagħha lejn ir-rebħa ma kienx wieħed faċli. Jasmine ammettiet li, bħal ħafna artisti oħra, għaddiet minn mumenti ta’ dubju u sfidi. “Fil-ħajja huwa normali li jkollok tlajja’ u nżul. L-importanti hu li taħdem fuqek innifsek u tipprova tkun l-aħjar verżjoni tiegħek.”

Il-messaġġ tal-kanzunetta “Nistaqsi” jidħol proprju f’dan il-kuntest iġifieri riflessjoni fuq il-ħajja, il-mistoqsijiet li nistaqsu lilna nfusna u t-tfittxija kontinwa għall-identità u t-tifsira.

Meta mistoqsija dwar il-futur tagħha, Jasmine m’eskludietx il-possibbiltà li tirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali bħall-Eurovision. “Din hija mistoqsija li jsaqsuni ħafna,” qalet b’tbissima. “Jiddependi ħafna mill-kanzunetta. Jekk ikolli kanzunetta li nemmen fiha u li tista’ tagħmel ġieħ lil pajjiżna, żgur li nikkunsidraha.”

Intant, il-festival Mużika Mużika ta’ din is-sena kien wieħed storiku, mhux biss għall-livell għoli tal-kanzunetti, iżda wkoll għax għall-ewwel darba ġie mxandar fuq ħames stazzjonijiet televiżivi lokali, TVM, ONE, FLiving, Smash TV u Xejk TV, kif ukoll b’interpretazzjoni fil-lingwa tas-sinjali fuq TVM+. Dan juri kemm il-festival qed jikber fil-popolarità u fl-importanza tiegħu fuq livell nazzjonali.

Fit-tieni post spiċċat il-kanzunetta “Niftakarna” interpretata minn Daniel Cauchi, filwaqt li Kevin Paul kiseb it-tielet post bil-kanzunetta “Int U Jien”. Daniel Cauchi rebaħ ukoll il-premju għall-Aħjar Interpretazzjoni, filwaqt li Edward Mifsud kiseb dak għall-Aħjar Arranġament.

Jasmine, madankollu, tibqa’ ċ-ċentru ta’ din l-edizzjoni hekk kif din hi artista li mhux biss rebħet il-kompetizzjoni, iżda li waslet messaġġ qawwi lill-ġenerazzjoni żagħżugħa. “Lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ karriera ta’ suċċess, ngħidilhom: jekk tagħmlu xi ħaġa b’passjoni u mħabba, aħdmu għaliha u xi darba taslu. Qatt taqtgħu qalbkom.”

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, hija ddedikat ir-rebħa tagħha lill-familja tagħha li dejjem kienet hemm għaliha. “Ommi dejjem ħeġġitni biex insegwi dak li tixtieq qalbi. Ħija kien ta’ appoġġ kbir, u l-familja kollha tiegħi tatni s-saħħa biex nasal hawn.”

B’din ir-rebħa, Jasmine Abela mhux biss żiedet kapitlu ġdid fil-karriera tagħha, iżda wkoll ħalliet marka fuq il-mużika Maltija, marka li x’aktarx se tibqa’ tinħass għas-snin li ġejjin.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport