Jason Azzopardi qal fuq Facebook u lill-ġurnal Politico li l-espert tal-inkjesta tal-isptarijiet, Jeremy Harbinson, daħlulu fil-kamra tal-lukanda tiegħu u serqulu l-passaport.
IT-TORĊA staqsiet lil Pulizija jekk dan hux minnu minħabba li jekk xi ħadd jinsteraqlu l-passaport, biex jinħariġlu ieħor, irid jirrapurtah lill-Pulizija.
Il-Pulizija qalulna li “ma jirriżultax li Jeremy Harbinson għamel xi rapport ta’ dan it-tip.” Dan ifisser li dak li Jason Azzopardi tema lill-Politico ma kienx minnu. Minn informazzjoni li għandha IT-TORĊA jirriżulta li Harbinson lanqas kien Malta fil-perjodu li qal Jason Azzopardi, jiġifieri f’Jannar tas-sena 2022 meta saret ir-raid li riedet tagħmel il-Magistrat Gabriella Vella fid-dar ta’ Joseph Muscat.
Kollox jindika li aktarx Jason Azzopardi ħawwad u kabbar informazzjoni oħra li kellu li jidher li tirrigwarda lil Sam Sittlington, jiġifieri l-espert li instab li kellu kunflitt ta’ interess anki f’ pajjiżi oħra tant li tkeċċa minn xogħlu mill-Gvern Ingliż.
Il-Pulizija qalulna li rċevew “rapport f’Jannar tas-sena 2022 minn espert ieħor li kien ħadem fuq l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet fejn dan kien spjega li kien tilef wieħed minn żewġ passaporti li kienu fil-pussess tiegħu. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija stabbilixxew li ma kien daħal ħadd fil-kamra tal-lukanda ta’ din il-persuna fil-ħin li din ma kinitx fil-kamra.”
Il-lukanda fejn Sittlington kien joqgħod għandha cameras ma’ kullimkien u ma jirrizulta li ħadd daħal fil-kamra tiegħu.
Lanqas Sittlington ma allegax li nsteraqlu passaport iżda li tilfu.
Dan kollu jkompli iżid kulur ma’ ġimgħa li fiha Jeremy Harbinson, li fuqu l-esperti l-oħra qed jitfgħu r-responsabiltà kollha tar-rapport tal-inkjesta, ġie immultat €500 għal disprezz wara li ma deherx fil-Qorti. Saħansitra ġie ordnat li jekk qatt Jeremy Harbinson jiġi Malta jittella’ mal-ewwel il-Qorti.
Il-Qorti din il-ġimgħa ordnat ukoll li d-deċiżjoni tat-Tribunal Internazzjonali tal-Arbitraġġ tiġi pprentata fl-atti u li l-Avukat tal-Istat jixhed dwar dan.
It-Tribunal Internazzjonali tal-Arbitraġġ sab li l-Gvern ha l-valur tas-servizzi li ħallas għalihom u li mkien ma nsterqu €400 miljun.

