L-eks Ministru u eks Deputat tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi dalgħodu fetħila kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u anke kontra l-Kummissarji tal-Pulizija.
F’intervista aktar kmieni mal-Professur Andrew Azzopardi Azzopardi qal li issa li għadda ż-żmien mill-elezzjoni ġenerali u l-affarijiet ikkalmaw iħoss li jista’ jiżvela ċertu sitwazzjonijiet.
Huwa tkellem dwar kif minn shadow minister tal-Ġustizzja, settur li bix-xogħol tiegħu seta’ jgħin fih u li kien jieħu b’serjetà kbira, f’Jannar li għadda Grech offrielu l-qasam tal-Kultura u li minkejja li kien jaqra dwar is-suġġett b’interess, ħassu li kien se jkun qiegħed iwaqqa’ lill-partit għaċ-ċajt.
“Kien ikun miraklu kieku ġejt elett u mhux sorpriża li ma ġejtx elett” spjega Jason Azzopardi filwaqt li tkellem dwar il-mentalità li hu sejjaħ bħala żbaljata li addatta għaliha l-Partit Nazzjonalista meta għażel li jelimina lid-deputati li ilhom hemm biex javvanza fis-surveys.
Tkellem ukoll dwar episodju ieħor f’każ fejn ġie mhedded minn wieħed mill-irġiel li nstabu ħatja bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fejn filwaqt li deputati Laburisti u anke l-eks Kap tal-partit Simon Busuttil kien ċempillu minn Brussell, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma kellmu xejn.
Mistoqsi dwar il-possibbiltà tar-ritorn tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi qal li għalkemm iħobb il-politika mhux se jerġa’ lura sakemm Grech jibqa’ fit-tmun. Huwa żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun Oppożizzjoni b’saħħitha jekk jingħaqad b’mexxej “bla kompromessi”, kredibbli u ta’ ispirazzjoni.
Intant f’post li għamel wara l-intervista, lill-Kummissarju, Azzopardi sejjaħlu “Kummidjant” wara li nħarġet direttiva relatata mal-apparenza tal-uffiċjali, speċifikament fuq id-daqna u t-tattoos. Skont Azzopardi l-Kummissarju kien imissu ffoka fuq affarijiet iktar serji milli fuq dan li hu sejjaħlu bħala “nejk”.