Ftit tal-ħin ilu, Jason Micallef permezz tal-avukati tiegħu, Dr Daniel Attard u Dr Ishmael Psaila, daħħal u ppreżenta rapporti għand il-pulizija fil-konfront ta’ membri tal-Għaqda Repubblika u partitarji tan-Nutar Robert Aquilina, għal theddid serju fuq ħajtu, u inċitament ta’ mibegħda li huma għamlu fuqu permezz ta’ kitbiet fuq il-midja soċjali li dehru wkoll fuq il-paġna tan-Nutar Robert Aquilina.
Fis-sigħat li ġejjin is-Sur Micallef permezz tal-avukati tiegħu se jkun qed jitlob ukoll proċeduri ulterjuri fil-konfront ta’ terzi oħrajn li wkoll ikkummentaw b’mibegħda, b’mod abbużiv u vulgari fil-konfront ta’ Micallef.
Fuq il-midja soċjali Jason Micallef tenna li mhuwiex aktar aċċettabbli li sar hawn min jaħseb li jista’ jhedded u jgħajjar b’kull mezz, u jippretendi li ma jitteħdux passi kontrihom bis-saħħa li tagħtina l-liġi.