Saturday, December 21, 2024

Jattakka lil żewġ ħaddiema b’sikkina talli ma tħalliex jidħol f’mużew tal-arti

Aqra wkoll

Patrun tal-Mużew tal-Arti Moderna (MoMA) ġewwa Manhattan fl-Istati Uniti aggredixxa żewġ persuni b’sikkina wara li l-kard ta’ sħubija tiegħu f’dan il-mużew kienet ġiet revokata minħabba mġiba mhux aċċettabbli. Ġara li hekk kif dan ir-raġel ma tħalliex jidħol fil-mużew huwa aggredixxa lil żewġ ħaddiema tal-istess mużew u wara ħarab minn fuq il-post. 

Il-vittmi, li t-tnejn huma nisa, ittieħdu immedjatament l-isptar għal trattament hekk kif kienu qed isofru minn numru ta’ daqqiet ta’ sikkina. Jidher li l-kundizzjoni tagħhom  hija stabbli.

Fil-preżent, New York City Police Department (NYPD) qiegħed iwettaq tfittxijiet għal dan l-aggressur, li l-ħaddiema tal-mużew MoMA ddeskrivewh bħala wieħed li kien regolament iżur dan il-post. Skont il-pulizija, dan l-individwu ma kellu l-ebda episodji passati fejn xellef dufrejh mal-ġustizza.

Skont sorsi, ir-raġel li wettaq l-attakk kien irċieva ittra mingħand l-imsemmi mużew fejn ġie mħarraf li s-sħubija tiegħu ġiet itterminata. Ġara li l-għada stess huwa mar fuq il-post u insista li jara film li kien qiegħed jiġi muri fil-mużew. Hekk kif ġie mgħarraf li s-sħubija tiegħu skadiet u ma tħalliex jidħol, hu qabeż il-mejda tar-reception u attakka żewġ ħaddiema b’sikkina. Filmat minn CCTV camera juri lill-aggressur jaħrab minn fuq il-post jiġri.

Ekonomija

Sport