Wednesday, April 24, 2024

ATTAKKI ‘FALSE FLAG’

Aqra wkoll

Ma nistax ma nikkumentax fuq l-attakk li għoġobhom jagħmlu wħud fuq proposta 193 tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista. Attakk li jekk wieħed ma jkunx tekniku fuq is-suġġett kapaċi jħares lejħ b’ċertu konvinzjoni, imma li dawk li  jaħdmu fis-suġġett żgur jafu li ma għandu l-ebda mertu.

Dan l-attakk naturalment jikkonċerna l-proposta tal-union membership mandatorju. Infatti, uħud qegħdin jgħidu li l-proposta li jidħol fis-seħħ union membership mandatorju tmur kontra Artiklu 42 tal-Kostituzzjoni. Fl-opinjoni umli tiegħi, li tgħid li din il-proposta toħodlok il-libertà, u li tmur ukoll kontra l-Kostituzzjoni, m’hi xejn għajr ‘false flag’ intenzjonata biex ittellef, u se ngħid għaliex.

Ibda biex, diġà għandek miżuri ta’ union membership mandatorju fl-UE, b’mod speċjali f’ċerti setturi fl-Awstrija, li tajjeb li ngħidu li wkoll għandhom il-freedom of association bħalma għandna aħna f’Malta. 

Dan apparti l-fatt li skont id-direttiva tal-paga minima adegwata li qed tiġi diskussa bħalissa, membri stati li ma jilħqux rata ta’ collective bargaining ta’ 70%, ser ikollhom jagħmlu pjan t’azzjoni biex ir-rata ta’ collective bargaining xorta waħda tibda tiżdied. Malta minħabba li għandna ħafna nies impjegati ma’ mikro-intrapriżi, m’għandniex rata daqshekk għolja. Jiġifieri grazzi għal union membership mandatorju, nistgħu naraw li din ir-rata tgħola waħidha u allura ma jkollniex nagħmlu l-pjan t’azzjoni skont ma’ kif inhu obbligat li jagħmel membru stat li ma jilħaqx ir-rata speċifikata fid-direttiva.

Issa, biex ngħidu kollox… il-manifest elettorali tal-PL jisħaq li din il-proposta ser tiġi diskussa fi ħdan l-MCESD, u li allura kif tiġi implimentata wieħed għad irid jara. Fl-opinjoni tiegħi, kull kontroversja tista’ tiġi evitata billi jkollok iċ-ċans t’opt out fejn persuna tkun tista’ toħroġ mill-Union membership mandatorju. Madanakollu, biex id-drittijiet ta’ kulħadd ikunu salvagwardjati, nemmen li l-membership f’union għandha tkun ir-regola, u mhux l-eċċezzjoni.

Nagħmlu tajjeb li noqgħodu attenti meta nisimgħu ċerti veduti. Forsi hemm min jagħmel attakki bħal dawn biex jiskorja punti politiċi, inkella forsi għax ma jafx aħjar. Madanakollu, ninsab ċert ukoll li hemm min jagħmel attakki bħal dawn għaliex ma jixtieqx li n-nies jiġġieldu għal dak li hu tagħhom, u jippreferu li l-ħaddiema jiġġieldu bejniethom, minflok li jingħaqdu u jsaqsu għal dak li hu tagħhom b’vuċi waħda. 

Sport